Il-maltemp inaqqas id-dħul għal Unilever

Il-kumpanija multinazzjonali Unilever, li tipproduċi prodotti bħal Marmite u l-ġelati popolari Ben & Jerry’s ħabbret li t-tkabbir tagħha fit-tielet kwart tas-sena kien imxekkel minn diżastri naturali fl-Amerika kif ukoll temp ikraħ fl-Ewropa. Dan wassal għal tnaqqis qawwi fl-ishma tal-kumpanija.
Skont l-aħħar aġġornament mill-kumpanija, il-ġgant tal-prodotti tal-konsumatur spjega kif il-bejgħ tiegħu kiber b’2.6%, 0.4% inqas mit-tkabbir matul il-bqija tas-sena. Barra minn hekk, il-kumpanija soffriet tnaqqis ta’ 1.6% fit-turnover, affettwat partikolarment minn movimenti negattivi fil-bdil tal-munita.
Mal-ħruġ tal-aħbar, l-ishma tal-kumpanija naqsu b’aktar minn 4% għal 4,359p.
Il-Kap Eżekuttiv Paul Polman prova jserraħ moħħ l-investituri u spjega li l-organizzazzjoni tiegħu wettqet bidliet importanti li se jippermettulha tnaqqis l-ispejjeż, tkun aktar innovattiva u tinvesti aktar f’opportunitajiet ta’ tkabbir. Huwa spjega kif minkejja s-sitwazzjoni avversa fl-aħħar tliet xhur, il-kumpanija kienet qed tipprevedi li sal-aħħar tas-sena tkun f’pożizzjoni li tlaħħaq mal-miri oriġinarjament stipulati għall-2017, jiġifeiri li tirreġistra żieda fil-bejgħ ta’ bejn 3 u 5%.
Aktar kmieni din is-sena, Unilever iġġieldet kontra offerta ta’ takeover ta’ aktar minn 143 biljun dollaru mill-kumpaniji rivali Kraft Heinz.
Rosneft tinvesti fil-Kurdistan
Il-kumpanija taż-żejt Russa Rosneft se tipproċedi bil-pjanijiet tagħha biex tħaffer għaż-żejt fil-Kurdistan. Dan minkejja żieda qawwija fl-instabbilità f’dan ir-reġjun awtonomu fl-Iraq.
Rosnet ħabbret li laħqet ftehim ta’ 400 miljun dollaru biex tiżviluppa ħames żoni taż-żejt fil-Kurdistan, deċiżjoni li se żżid l-espożizzjoni ta’ Moska għar-reġjun semi-awtonomu, minkejja li fil-mument teżisti tensjoni qawwija bejn ir-reġjun u l-Gvern ċentrali ta’ Baghdad. Ir-reġjun jinsab fi kriżi wara li żamm referendum għall-indipendenza, li ġie kkundanat minn Baghdad bħala illegali.
Min-naħa tagħha Rosneft – li hija kumpanija tal-Istat Russu – qalet li hi mhix se tidħol fil-mertu tal-kwistjoni politika bejn l-Iraq u l-Kursdistan, u li hi dmirha kien li tirrispetta l-liġijiet u r-regolamenti lokali u li tara li l-produzzjoni taż-żejt titwettaq bl-aktar mod effiċjenti possibbli.
Hu mistenni li produzzjoni sperimentali tibda s-sena d-dieħla, bl-għan li l-produzzjoni fuq skala sħiħa tibda sal-2012. Hu mifhum li fiż-żona jistgħu jittellgħu madwar 670 miljun barmil skont stimi konservattivi tal-istess kumpanija. Rosneft se jkollha kontroll ta’ 80% mill-valur ta’ dan il-proġett.
Politikament, ir-Russja kienet qadet lura milli tikkumenta fuq il-moviment indipendentista tal-Kurdisdan. Min-naħa tagħhom l-Istati Uniti u l-pajjiżi tal-Punent talbu lill-Kurdi biex iħassru din il-votazzjoni. L-unika pajjiż li appoġġja l-moviment tal-Indipendenza kien l-Iżrael.
Żieda qawwija fl-ishma ta’ Benetic Biopharma
L-ishma tal-kumpanija bioteknoloġika Benetic Biopharma żdiedu bi kważi 27% fl-aħħar ġimgħa wara li l-kumpanija ħabbret li kienet irċiviet il-patent Amerikan għal mediċina li żviluppat biex tikkura l-marda tal-epatite B.
Dan il-patent hu meqjus bħala żieda importanti ħafna fil-portafoll intelletwali tal-kumpanija. L-epatite B tieħu l-ħajja ta’ kważi 900,000 persuna fis-sena, filwaqt li skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa hemm madwar 257 miljun persuna madwar id-dinja li qed jgħixu b’din il-marda.
Il-virus hu l-aktar preżenti fiż-żoni tal-Punent tal-Paċifiku kif ukoll fl-Afrika, fejn aktar minn 6% tal-adulti huma infettati.
Benitec Biopharma hija kumpanija tal-bioteknoloġija li qed tiżviluppa mediċini terapewtiċi innovattivi bbażati fuq teknoloġija msejħa gene-silencing. Il-kumpanija Awstraljana fost l-oħrajn qed tiżviluppa terapiji għal kundizzjonijiet oħra bħal ċertu tipi ta’ kanċer, HIV/AIDS u deġenerazzjoni tal-muskoli.
Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net Tel. 21493250. Tista' tirċievi l-artiklu b'xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net
L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.