Il-maltemp iħalli mwiet u ħerba fl-Italja

maltemp-italy

Sebgħa iġsma nstabu bla ħajja fil-Majjistral tal-Italja fl-aħħar siegħat, uħud minihom fuq bajja qrib il-fruntiera ma’ Franza, f’imwiet maħsuba li kkawżati minn maltempati qawwija fir-reġjun.

Jista’ jkun li l-iġsma li nstabu nġarru ‘l isfel mill-kosta minn Franza.

L-awtoritajiet kienu qalu s-Sibt li żewġ persuni mietu u disa’ kienu nieqsa wara li xita qalila u riħ qawwi ħafna ħallew ħerba fil-fruntiera taż-żewġ pajjiżi matul tmiem il-ġimgħa.

Il-pulizija qalet li erba’ iġsma nstabu bejn il-belt tal-fruntiera ta’ Ventimiglia u Santo Stefano al Mare, filwaqt li l-ħames wieħed instab ftit aktar ‘il ġewwa qrib xmara. Ebda wieħed minnhom ma kien identifikat immedjatament.

It-temp ħażin ikkawża danni kbar, stmati f’miljuni ta’ ewro, bi ħsarat kbar fuq numru ta’ pontijiet, filwaqt li bosta toroq imtlew skart, tajn u karozza maqlubin.

Skont l-awtoritajiet tal-Pjemonte, ir-reġjun irrapporta 630mm ta’ xita f’24 siegħa f’Sambughetto, qrib l-Iżvizzera, aktar min-nofs tal-medja ta’ sena sħiħa.

F’Limone Piemonte, dar ta’ tliet sulari ġġarrfet wara li nqagħlet mill-pedamenti u spiċċat fi xmara, filwaqt li f’Tanaro, l-ilmijiet għamlu ħerba sħiħa f’ċimiterju, b’għexieren ta’ twiebet jispiċċaw maqlugħin minn posthom.