Il-MaltaToday tiżvela rabtiet bejn Schembri u Theuma

Read in English.

Melvin Theuma, li qed jitqies bħala s-sensar fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, kien ħa ritratt mal-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri, fl-uffiċċju tiegħu f’Kastilja. Dan ġie żvelat mill-gazzetta MaltaToday li b’mod esklussiv ippubblikat ukoll ir-ritratt.  

F’artiklu fuq is-sit illejla, l-Editur Maniġerjali tal-MaltaToday Saviour Balzan, kiteb li Keith Schembri jidher jitbissem ma’ Theuma. Id-data tar-ritratt għadha mhix magħrufa. Madanakollu r-ritratt jikkonferma, dak li Balzan iddeskriva “dak li Schembri ilu jaħbi: għarfien u qrib suspettati ewlenin fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, li nqatlet b’karozza bomba fis-16 ta’ Ottubru 2017.

Theuma kien iltaqa’ mal-aħwa George u Alfred Degiorgo u Vince Muscat, biex iqabbadhom joqtlu lill-ġurnalista. Il-MaltaToday tgħid ukoll li kien Theuma li rrekordja konverżazzjonijiet inkriminatorji man-negozjant Yorgen Fenech, f’okkażjonijiet fejn Theuma, ix-xufier tat-taxi, kien jiġbor u jwassal lil Fenech l-ajruport.

Dalgħodu, Saviour Balzan qal li Joseph Muscat għandu jitlaq issa.