Il-MaltaPost tgħid li l-vetturi tagħha huma siguri

Fr Martin Micallef

Il-kumpanija postali MaltaPost assigurat li l-vetturi tagħha li jużaw il-pustiera huma ċċertifikati bħala siguri.

Dan qalu kelliem għall-kumpanija fi tweġiba għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, wara li nhar il-Ħamis li għadda, Elenia Briffa, pustiera ta’ 19-il sena, tilfet ħajjitha waqt inċident bil-vettura meta kienet fi triqitha biex tqassam l-ittri.

L-inċident ġara fi Triq Ħal Qormi fil-Marsa, tefgħa ta’ ġebla ‘l bogħod mill-kwartieri tal-kumpanija. It-tfajla Qrendija tilfet il-kontroll tal-vettura, inqalbet u waqgħet minn ġo fiha, b’konsegwenza li spiċċat taħtha. Hija tilfet ħajjitha fl-Isptar Mater Dei ftit tal-ħin wara.

Mistoqsija jekk il-vettura hijiex waħda sigura, il-MaltaPost qalet li, “Invista tal-fatt li hemm inkjesta maġisterjali għaddejja, għalissa l-kumpanija ma tistax tikkummenta dwar dan il-każ. Madanakollu l-vetturi li topera bihom il-kumpanija MaltaPost ghandhom EC Certificate of Conformity u l-liċenzji tal-vettura biex jinstaqu fit-triq.”

Bosta nies urew is-sogħba tagħhom għall-ħajja żagħżugħa li nħasdet f’tebqa t’għajn. Il-maħbuba tat-tfajla, qraba tagħha, is-Soċjetà Filarmonika Lourdes fil-Qrendi li ż-żagħżugħa kienet parti minnha, u l-Malta Racing Club ilkoll esprimew messaġġi ta’ diqa fuq il-midja soċjali. Il-MaltaPost ukoll qed tibki t-telfa tal-impjegata tagħha, u tpoġġew fjuri u ritratt tat-tfajla fit-triq fejn mietet.

Aħna lkoll ninsabu b’qalbna maqsuma għat-telfa tiegħek għażiża kollega tagħna. 🖤😔

Posted by MaltaPost on Friday, May 8, 2020

F’kumment fuq il-kitba taċ-Chairman tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Mark Camilleri fuq Facebook, l-eks Segretarju tal-General Workers’ Union Jeremy Camilleri kiteb li l-vetturi li tuża l-MaltaPost huma aktar siguri mill-muturi u mill-quadbikes. Qal li dawn ġew introdotti meta kien għadu fil-kariga, u kienu ġew spezzjonati minn Transport Malta.

L-espert tal-kumpanija kien aċċertah li huma siguri, u anke rappreżentant tal-Unjin għas-Saħħa u s-Sigurtà għamel dan. L-ogħla veloċità li tista’ tinstaq biha din il-vettura hija ta’ 45 kilometru, skont Camilleri.

Il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo qed tmexxi inkjesta fuq il-każ.