3 impjegati tal-MaltaPost pożittivi għall-Covid-19 fi 3 ġimgħat; Il-MaltaPost tispjega

Aġġornat 09:22 PM
maltapost
Ian Noel Pace

Read in English.

Il-kumpanija MaltaPost qed tisħaq li mxiet mal-protokolli tal-awtoritajiet tas-saħħa u li m’hemmx lok għal allarm dwar il-każi li nstabu fost l-impjegati tas-Sorting Hub ta’ San Ġwann. Kelliem għall-kumpanija qal dan ma’ Newsbook.com.mt fid-dawl tal-allegazzjonijiet li l-kumpanija ma infurmatx lill-ħaddiema tagħha li kien hemm persuna fost l-impjegati fis-Sorting Hub ta’ San Ġwann li qabadha l-coronavirus, u l-kollegi ta’ din il-persuna m’għamlux swab test u baqgħu jitħalltu man-nies.

Ftit aktar minn ġimagħtejn wara dan l-ewwel każ, issa hemm tliet każijiet fost l-impjegati. Kelliem għall-kumpanija qal li t-tliet każi ħarġu fuq medda ta’ tliet ġimgħat u li mhumiex infurmati li dawn kienu marbuta flimkien. Barra minn hekk, żied jgħid, m’hemm l-ebda prova li tindika li l-virus inxtered fuq il-post tax-xogħol. Spjega li l-kumpanija avżat lill-impjegati biex ma jirrappurtawx għax-xogħol bħala prekawzjoni u ħallsithom xorta waħda.

Sors li tkellem ma’ Newsbook.com.mt qal illi l-ewwel każ feġġ fis-26 ta’ Diċembru, imma l-ħaddiema ma kinux infurmati b’dan mill-maniġment, lanqas dawk li kienu xogħol ma’ dik il-persuna fl-24 ta’ Diċembru. Għalhekk, ħadd m’għamel swab test jew kwarantina.

Kelliem għall-MaltaPost spjega li fis-26 ta’ Diċembru, il-kumpanija kienet bix-shutdown, is-27 ta’ Diċembru kien il-Ħadd, u l-ħaddiema rritornaw għax-xogħol fit-28 ta’ Diċembru. Qal li għalhekk, il-persuna jaf ħadet il-virus wara li kienet ix-xogħol u li ma kienx hemm lok ta’ allarm, u kien għalhekk li l-impjegati ma ġewx infurmati. Apparti hekk, il-maniġment tal-kumpanija ra li jimxi mal-protokolli tal-awtoritajiet tas-saħħa.

Il-persuna li tkellmet ma’ Newsbook.com.mt qalet li s-Sorting Hub f’San Ġwann huwa post magħluq, u l-ħaddiema jqattgħu bejn sagħtejn u tliet sigħat hemmhekk, iżda l-kelliem tal-MaltaPost enfasizza kemm il-kumpanija tieħu s-saħħa tal-ħaddiema tagħha bis-serjetà. Qal li l-ħaddiema jridu jilbsu l-maskri l-ħin kollu, ilbies protettiv, iżommu d-distanza soċjali, u tqiegħed anke ħġieġ biex jissepara lil ħaddiem minn ieħor. Apparti dan, il-ħaddiema kollha ngħataw hand sanitiser u huma mwissijin li għandhom jimxu mal-protokolli għall-ġid tas-saħħa tagħhom ilkoll.

It-tieni każ

Fit-8 ta’ Jannar, feġġ it-tieni każ tal-coronavirus fost l-impjegati, imma din id-darba, il-persuna li qabadha l-virus infurmat lil sħabha. L-għada l-ħaddiema ma marrux għax-xogħol, u l-post ġie ffumigat.

Il-persuna kienet għamlet it-test fis-7 ta’ Jannar, u fl-istess jum, kienet fil-post tax-xogħol. Hija ħarġet pożittiva għall-virus fit-8 ta’ Jannar. Il-kollegi tagħha ntbagħtu jagħmlu test mgħaġġel (rapid test), imma dawn xorta waħda ntalbu jirritornaw għax-xogħol jekk it-test irriżultalhom fin-negattiv, minkejja li dan kien biss madwar 48 siegħa wara li kellhom kuntatt mal-persuna li kellha l-coronavirus.

Is-sors ta’ Newsbook.com.mt stqarr li fil-fehma tiegħu, dan ma jagħmilx sens billi l-awtoritajiet tas-saħħa normalment jissuġġerixxu li dak li jkun jistenna ftit ġranet qabel jagħmel swab test, ħalli jilħqu joħorġulu s-sintomi.

Madankollu, kelliem għall-MaltaPost qal lil Newsbook.com.mt li fid-9 u fl-10 ta’ Jannar, il-ħaddiema ma daħlux għax-xogħol peress li dan kien weekend. Huwa sostna li l-kumpanija tagħmilha ċara lill-impjegati biex jekk ikollhom sintomi jew ikunu ma jifilħux, dawn ma jidħlux għax-xogħol, anke f’ċirkostanzi normali, iżda aktar u aktar f’pandemija.

It-tielet każ

Minn dawn il-kollegi ta’ din il-persuna, kien hemm uħud li minn jeddhom, reġgħu marru jagħmlu t-test xi jiem wara, u llum, persuna oħra rriżulta li għandha l-coronavirus.

Il-kelliem tal-kumpanija żied jgħid li l-fatt li l-każijiet kienu sporadiċi juri kemm il-kumpanija tieħu l-protokolli kontra l-firxa tal-coronavirus bis-serjetà, sabiex tipproteġi saħħet il-ħaddiema u l-klijenti tagħha.

Jidher li issa, l-awtoritajiet tas-saħħa qegħdin jagħmlu kuntatt mal-MaltaPost u qegħdin jiċċekkjaw ma’ min kellha kuntatt l-aħħar persuna li rriżulta li għandha l-Covid-19.