Il-Malta Institute of Accountants ifakkar il-50 anniversarju

Il-Malta Institute of Accountants, MIA dan l-aħħar organizza avveniment soċjali għall-membri tiegħu, eks presidenti, eks membri tal-kunsill u stakeholders lokali u barranin biex ifakkar il-50 sena mit-twaqqif tiegħu.
Fl-aħħar diskors tagħha bħala President tal-Istitut, Maria Micallef, tkellmet fuq ir-rwol tal-professjoni fl-ambjent globali xejn stabbli ta’ żmienna. Hi saħqet fuq kemm hu importanti li fil-kontabilità “l-integrità tibqa’ dejjem fil-qofol tal-professjoni” u spjegat l-isfidi li qed tiltaqa’ magħhom din il-professjoni bħala “numru inkredibbli ta’ partijiet instabbli.”
Micallef għamlet referenza għall-kwistjonijiet internazzjonali u regolatorji f’kull livell, għat-tħassib finanzjarju kbir minn perspettiva ekonomika, għall-interdipendenza tal-ekonomiji nazzjonali, għall-kumplessità tar-rappurtaġġ, għall-aspettazzjonijiet tal-pubbliku, għall-implikazzjonijiet tat-teknoloġija u għall-ħeffa li biha qed tiġri kull ħaġa, u fissret kif dawn huma wħud mill-isfidi l-kbar li qed ikollha tħabbat wiċċha magħhom il-professjoni llum.
Il-mistiedna tal-unur għal dan l-avveniment inkludew lill-Prim Ministru Joseph Muscat u lill-Ministru tal-Finanzi, Prof. Edward Scicluna.
Il-membri tal-Istitut tal-Kontabilisti ta’ Malta jaqbżu l-2,500 u jirrappreżentaw aktar minn 90% tal-kontabilisti lokali kollha bil-warrant.
Artikli kummerċjali għandhom jintbagħtu fuq karl@newsbook.com.mt