Il-Malta Eurovision tal-lejla… mill-A saz-Z

Avveniment: Il-Malta Eurovision Song Contest huwa l-avveniment bl-akbar udjenza f’Malta. Skont statistika mill-PBS, m’hemm ebda programm tat-TV lokali li għandu l-udjenza li ssegwi l-Malta Eurovision u l-Eurovision Song Contest. B’kollox il-festival ta’ Malta isegwuh kull sena 95% tal-poplu Malti.
Bundy: Din hi l-ewwel sena ta’ John Bundy bħala CEO li qed imexxi l-festival. Fil-passat Bundy preżenta u anke ikkummenta l-Festival sew lokali u anke dak ta’ Mejju. Ta’ min jgħid li Bundy anke okkupa bosta rwoli fil-kumitati preċedenti sa mill-1991 meta Malta reġgħet bdiet tieħu sehem wara waqfa ta’ 16-il sena.
Charlene: Isem il-preżentatriċi tal-festival ta’ din is-sena li bl-istorja tagħha qed twassal messaġġ pożittiv lil min bħalha għadda jew għaddej mill-effetti tal-marda tal-kanċer.
Daniel: Isem il-preżentatur tal-festival ta’ din is-sena. Magħruf bħala Guido fis-sensiela popolari Strada Stretta.
Edizzjoni: Din hija t-30 edizzjoni tal-festival li jagħżel il-kanzunetta għall-Eurovision f’Malta. Din is-sena bħala rikonoxximent, ġew mistiedna l-kantanti kollha li ħadu sehem fis-snin passati biex fis-serata finali jkunu fis-sala.
Finalisti: Din is-sena hemm 16-il kanzunetta finalista.  B’kollox ġew sottomessi 156 kanzunetta.
Ġurija: Din is-sena l-festival se jkun 100% televoting. Għalhekk il-ġurija ewlenija se tkun magħmula mill-Maltin u l-Għawdxin fi djarhom jew fil-postijiet minn fejn isegwu l-festival.
Garanzija: Din is-sena l-PBS ta garanzija li l-kanzunetta li se jagħżel il-poplu Malti mhix se tinbidel sal-finali ta' Kiev.
Għajdut: Il-popolarita’ tal-festival tidher ħafna mill-ammont ta’ għajdut li jqumu kull sena dwar kull kantant u kantanta li jieħdu sehem. Il-popli Malti permezz tad-diversi intervisti li jsiru mal-kantanti jipprova jsir jaf mhux biss kemm il-protagonisti jafu jkantaw imma anke ħafna kurżitajiet dwar ħajjithom.
Ħwejjeġ:  Huwa spettaklu marbut mal-mużika. Pero huma ħafna dawk li jsostnu li l-ewwel li tiekol l-għajn. Il-kantanti dan kollha jafuh u jżommuh f’moħħhom għax apparti li jaqsmu mal-eluf il-vuċi sabiħa tagħhom jinvestu fi ħwejjeġ li jikkumplimentaw it-tliet minuti tagħhom fuq il-palk.                                   
Hena: L-hena ta’ ħafna Maltin illejla hi li jinġabru fid-djar ta’ xulxin jew f’xi ħanut u jsegwu dan il-festival waqt li jnaqqru xi ħaġa u jgħidu tagħhom dwar il-kanzunetti li jkunu qed jaraw fuq il-palk. 
Ira: Waħda mill-mistednin tas-serata tal-lejla.  Apparti Walk on Water li biha rrappreżentat lil Malta fil-Eurovision Song Contest 2016 se nisimgħuha tniedi kanzunetta ġdida We are the soldiers.
Iebsa:  Huma ħafna dawk li qed jipprovaw ibassru u jidentifikaw lil min se jagħżel il-poplu llejla. Minkejja li hi previżjoni iebsa, huma ħafna Maltin li diġa għandhom kanzunetta favorita.
Junior Eurovision: Mistiedna oħra li se naraw fuq il-palk hija Christina Magrin li rrappreżentat lil Malta fil-Junior Eurovision li sar fil-Belt Valletta f’Novembru li għadda.
Kartolina: Qabel kull kanzunetta tal-festival din is-sena l-kartolini se jkunu jinkludu ritratti sbieħ u mumenti ħelwin mill-ħajja ta’ kull kantant.
Lingwi: B’kollox hemm tliet lingwi ewlenin. Ħmistax-il kanzunetta bl-Ingliż u waħda bil-Malti. Tgħaqqadhom kollha hemm lingwa waħda internazzjonali: Il-Mużika
Mejju: It-tir ta’ kull kompetitur hu li l-Ħamis 11 ta’ Mejju jirrappreżenta lil Malta fuq il-palk tal-Belt Kapitali Ukrena.
Nazzjonali: L-organizzaturi ewlenin tal-festival huwa l-istazzjon nazzjonali.
Ordni: L-ordni li fiha se jitkantaw il-kanzunetti hija din: Jibda Klinsmann, tkompli Raquela Dalli Gonzi, imbagħad id-duo Deborah C u Josef, warajhom Kevin Borg. Wara Borg tissoka Jade Vella, Crosswalk, Franklin Calleja u Rhiannion. It-tielet erba’ kanzunetti se jkunu ta’ Miriana Conte, Shauna Vassallo, Janice Mangion u Cherton Caruana. Jagħlqu l-aħħar erba’ Maxine Pace, Richards Edwards, Brooke Borg u Claudia Faniello.
Provi: Il-provi għall-festival ta’ din is-sena bdew b’mod individwali minn kull kantanta u kantant malli tħabbret il-lista tal-finalisti. Kull kanzunetta imbagħad kellha 2 provi ġenerali fuq il-palk u żewġ dress rehearsals ftit sigħat qabel is-serata finali.    
Qalb: Fuq il-logo uffiċjali tal-Festival hemm il-qalb … u f’kull kantant hemm qalb tħabbat b’ħafna eċitament u b’ħafna entużjazmu.
Ritornell: Tul il-kanzunetti se jispikkaw ir-ritornelli li ħafna minnhom huma tal-widna u tieħu gost tkanta magħhom.
Silta: Fil-ftuħ tal-festival il-kantanti se jkantaw siltiet mill-kanzunetti li rrappreżentaw lil Malta fil-Eurovision fil-passat.
Tinda: Il-festival din is-sena se jsir taħt it-tinda MFCC ta’ Qali.
Udjenza: L-udejnza li se tkun qed issegwi s-serata għandha rwol importanti għax permezz tagħha dawk li se jkunu fuq il-palk jistgħu jagħmlu aktar kuraġġ u jgawdu dawn it-3 minuti ta’ fama.
Vjaġġjaturi: Isem il-grupp mistieden minn Għawdex, The Travellers, li se jkun wieħed mill-mistednin tal-Festival.
Waħda: Kull min se jċempel waqt it-televoting jista’ jċempel biss darba waħda. Kif se jispjegaw il-preżentaturi bosta drabi tul is-serata, jekk iċċempel aktar minn telefonata waħda jew tibgħat akbar minn sms wieħed tkun qed tagħmel dan għal xejn.
Xettiku: Anke dawk ix-xettiċi li jgħidu li ma jħobbux il-festival illejla jkunu qed isegwuh … u dan hu s-sabiħ tal-festival, li tħobbu jew ma tħobbux ma jħallikx tinnega li hu parti essenzjali mill-kultura Maltija.
Żeffiena: Il-festival se jiftaħ biż-żeffiena mill-grupp ta’ Annalise Ellul.
Zokkor: Hu x’inhu huwa festival mużikali li fih se jispikka l-leħen taz-zokkor ta’ ħafna talent lokali tajjeb, li għal darb’ oħra se jkun segwit u apprezzat minn eluf!
 
Newsbook.com.mt jibqa’ jaġġornak b’mod dirett mis-sala tal-MFCC ta’ Qali bl-aħħar żviluppi u riżultati.