Il-Malta Eurovision Song Contest li jmiss f’Novembru mhux fi Frar

Il-kanzunetta li se tirrapreżenta lil Malta fil-Eurovision Song Contest li jmiss tal-2015 se tiġi magħżula f'Novembru mhux fi Frar kif jiġri s-soltu. Din se tkun l-ewwel darba mindu Malta ilha tieħu sehem fil-Eurovision Song Contest li se jiġri dan. F'aħbar li ħarġet tard illejla ġie żvelat li dan se jsir bi skop li l-kanzunetta jkollha aktar ċans tixtered mal-Ewropa u mal-pajjiżi l-oħra li se jieħdu sehem fl-Awstrija f'Mejju 2015. 
 Ir-regolamenti li ġew ippublikati llejla jinkludu ukoll punti differenti ħafna minn dak li jiġri s-soltu. Fost dawn hemm ir-regolament li jgħid li min jirbaħ jista' jagħżel li filwaqt li jibqa' l-istess tim, imur l-Awstrija jikkompeti b'kanzunetta totalment differenti minn dak li rebaħ biha l-festival hawn f'Malta.
Il-Malta Eurovision Song Contest se jsir nhar it-22 ta' Novembru, ġimgħa wara l-Junior Eurovision Song Contest u se jintuża l-istess palk. L-applikazzjonijiet għal min hu interessat li jieħu sehem fil-festival se jintlaqgħu fit-28 u 29 ta' Awwissu.