Aġġornata (2): Il-Malta Enterprise twieġeb dwar l-ingaġġ ta’ mart il-Ministru Mizzi

Fi kliem il-Partit Nazzjonalista "l-Gvern Laburista wasal fl-iżjed livell baxx ta’ nepotiżmu” u dan b’rabta mad-deċiżjoni li l-Malta Enterprise timpjega lil mart il-Minstru Konrad Mizzi bħala rappreżentat tagħha fil-pajjiżi Ażjatiċi.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem l-uffiċċji tal-Malta Enterprise, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal li “l-kariga tal-mara tal-Ministru Mizzi nħolqot sempliċiment biex takkomoda lis-Sinjura Mizzi”.

Sostna li l-Partit Nazzjonalista għandu kull d-dritt u d-dmir li jistaqsi lill-Gvern biex jikxef dak kollu li s’issa nżamm misteru.

Staqsa x’salarju u benefiċċji qed tgawdi minnhom mart il-Ministru Mizzi u għax ma saritx sejħa pubblika għal din il-kariga.

Is-Segretarju Ġenerali Chris Said staqsa min għażel lill-mara ta’ Mizzi għal dan il-kariga, u jekk telgħetx quddiem il-Bord tal-Malta Enterprise biex jiġi diskuss l-impjieg tagħha. 

Reazzjoni tal-Malta Enterprise

B’reazzjoni għall-kummenti li dehru fil-midja dwar mart il-Ministru Konrad Mizzi, il-Malta Enterprise qalet li Sai Mizzi hija rappreżentanta tal-Gvern Malti u għandha r-responsabbiltà li tippromwovi l-investiment Ażjatiku f’Malta kif ukoll l-esportazzjoni fl-istess reġjun.

Il-Malta Enterprise sostniet li Sai Mizzi ġiet ingaġġata mill-Malta Enterprise fis-26 ta’ Awwissu li għadda għal perjodu definit.

Mizzi se tkun qed taħdem prinċipalment minn Shangai, għal investiment miċ-Ċina, il-Ġappun, il-Korea t’Isfel, l-Indoneżja, il-Malażja, it-Tajlandja, il-Vjetnam u Singapore.

Sai Mizzi, li hija ċittadina Maltija, mhix involuta fi proġetti relatati mal-enerġija.

Il-Malta Enterprise tispjega kif rappreżentanti tal-Gvern mhumhiex appuntati permezz ta’ sejħiet pubbliċi, u li din mhix l-ewwel darba li l-Gvern Malti ħatar rappreżentant speċjali b’missjoni speċifika relatata ma’ promozzjoni ta’ investiment.

Reazzjoni tal-Partit Laburista

Min-naħa l-oħra, il-Partit Laburista jgħid li l-Partit Nazzjonalista qed jagħmel attakki personali għax qed jara li l-Gvern Laburista hu qrib li jraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma. 

Il-Partit Laburista sostna li “l-Gvern Nazzjonalista kien juża s-servizzi tas-Sinjura Sai Mizzi u sakemm ma kienx magħruf li hija mart Konrad Mizzi, il-Partit Nazzjonalista kellu fiduċja fil-kapaċitajiet ta’ Sai Mizzi.