Esklussiva: L-ittra tat-tkeċċija li rċevew mas-60 ħaddiem tal-Malta Air

Read in English.

Il-kumpanija tal-ajru Malta Air se tkeċċi sa 60 ħaddiem minħabba l-coronavirus.

Dawn id-deċiżjonijiet tal-kumpanija li hija subsidiary tar-Ryanair jidħlu fis-seħħ fit-30 ta’ Ġunju.

Il-Malta Air bagħtet ittra lill-ħaddiema tagħha fis-27 ta’ Mejju. Fiha infurmathom b’dak li kien se jiġri. Newsbook.com.mt akkwista kopja tagħha.

Il-kumpanija qalet li se tkun qed tibda proċedura ta’ Collective Dismissal skont il-liġi Maltija. Tbassar li dan se jfisser telf ta’ 20% tal-ħaddiema bbażati f’Malta. Dan ifisser sa 20 bdot u sa 40 membru tal-ekwipaġġ tal-kabina.

B’kollox hemm 179 persuna jaħdmu fil-bażi Maltija tal-Malta Air. Il-kumpanija se tkun qed tkeċċi lin-nies skont min daħal l-aħħar.

Skont il-liġi skatta perjodu ta’ konsultazzjoni dwar il-proċess.

Il-Malta Air appellat lill-ħaddiema biex jaqblu fuq proposti biex kemm jista’ jkun ma jkunx hemm nies li jitilfu l-impjieg tagħhom.