Il-Malażja ttaffi l-akkuża kontra l-mara li qatlet lil ħu Kim Jong Un

REUTERS/Lai Seng Sin

Imħallef fil-Malajża bagħat mara mill-Vietnam tliet snin ħabs wara li qatlet li ħu l-mexxej tal-Kore ta’ Fuq Kim Jong Un. Dan wara li prosekuturi waqqgħu l-akkużi ta’ assassinju fil-konfront tagħha. Doan Thi Huong, li diġà ilha sentejn il-ħabs tista’ tinħeles sa minn kmieni x-xahar li ġej skont il-liġijiet tal-Malażja.

Dan ikkonfermawh l-avukati. Huong li għandha 30 sena, flimkien ma’ mara mill-Indoneżja, Siti Aisyah, ġew akkużati li qatlu lil Kim Jong Nam billi ċappsulu wiċċu b’velenu waqt li kien fl-ajruport ta’ Kuala Lampur fi Frar tal-2017.

Illum, il-prosekuturi offrew lil Huong akkuża differenti, dik li kkawżat uġiegħ minħabba l-użu ta’ armi jew oġġetti perikolużi. Din l-akkuża waslet wara rappreżentazzjonijiet mill-ambaxxata Vietnamiża u l-avukati tal-mara. Huong wieġbet ħatja tal-akkuża li għaliha setgħet spiċċat qalgħet sentenza ta’ 10 snin ħabs, multa finanzjara jew anke swat. Intant, li kieku baqgħet iġġorr l-akkuża li kellha qabel, setgħet taffaċċja l-piena tal-mewt.