L-attur Tonio Vella għamel appell lill-pubbliku biex imur jagħti d-demm. Ilbieraħ, fil-jum tal-Ħadd, l-attur magħruf għal bosta karattri fosthom Il-Majsi, mar jagħti d-demm għall-41 darba.
“Bdejt nagħti d-demm madwar 18-il sena ilu. meta kelli membru tal-familja li kienet se tagħmel operazzjoni u ħeġġewha biex issib xi kontributuri li jkunu lesti jagħtu d-demm. Jien aċċettajt li mmur imma kont imwerwer għax ma kontx naf x’jirrikjedi. Wara l-ewwel esperjenza rajt li assolutament m’hemmx minn xiex tibża’ u minn dak inhar bqajt immur regolari. Apparti l-fatt li qed tgħin lil min għandu bżonn, hija xi ħaġa li tagħtik sodisfazzjon kbir,” ikkummenta l-attur ma’ Newsbook.com.mt
F’messaġġ pubbliku fuq il-profil tiegħu fuq Facebook, l-attur kiteb “Għal darb’oħra erġajt mort nagħti d-demm. Int għadek taħsibha?”

Intant dawk kollha li huma eliġibbli biex jagħtu d-demm huma ġentilment mitluba jagħmlu dan:fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa li jiftaħ Kuljum 7 ijiem fil-ġimgħa mit-8:00am sas-6:00pm. Jew inkella fil-Berġa tax-Xewkija li nhar It-Tlieta 17 ta’ Novembru ser tkun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mis-1:00pm sal-5:00pm.
Noti importanti!
Meħtieġ li wieħed iġib il-Karta tal-Identità, jew il-Liċenzja tas-Sewqan jew Passaport Malti, u possibbilment iħajjar lil ħaddieħor jagħti d-demm ukoll.
Kull min ser jersaq biex jagħmel it-test, jew qed jistenna r-riżultat tal-coronavirus ma jkunx jista’ jitħalla jagħti demm għal perjodu temporanju.