Il-maħfra ma tfissirx li n-nisa jittolleraw il-vjolenza domestika – l-Isqof Grech

L-Isqof Mario Grech qal li għalkemm il-maħfra hija sabiħa dan ma jfissirx li n-nisa li jaħfru għandhom jittolleraw il-vjolenza domestika.

Mons. Grech qal dan fl-omelija tiegħu lbieraħ fil-festa ta’ Santa Rita ta’ Cascia fil-Knisja ta’ Santu Wistin fir-Rabat, Għawdex.

L-Isqof Mario Grech qal li l-familja hija l-bejta tal-imħabba. Però, qal li mhux dak kollu li jleqq huwa deheb.

Tiżdied il-vjolenza domestika

Spjega li fil-bidu tal-imxija tal-coronavirus kien hemm ġurnalist li staqsieh jekk jaqbilx li se tiżdied il-vjolenza domestika. Qal li wieġeb fin-negattiv peress li huwa pożittiv. Qal li ħaseb li quddiem din it-theddid serja mhux se jkun hemm min ikun vjolenti u jġib diżordni fil-familja.

“Imma llum nagħraf li r-raġunament tiegħi kien żbaljat. Matul dawn l-aħħar xhur, peress li konna obbligati nibqgħu ġewwa flimkien, kien hemm min ħataf l-opportunità li l-familja kienet imgeddsa flimkien u saħħaħ l-għaqda familjari; imma kien hemm ukoll min ma għarafx jikkontrolla t-temperament tiegħu u l-imġiba tiegħu fid-dar saret aktar vjolenti. Fil-fatt, jingħad li matul din l-imxija l-każijiet ta’ vjolenza domestika żdiedu,” qal Mons. Grech.

Fakkar li fl-Ewropa dan il-fenomenu huwa mifrux, tant li fil-kontinent madwar 12% u 15% tan-nisa kuljum isofru minn vjolenza fid-dar.

Fakkar f’Santa Rita minn Cascia li ma kellhiex żwieġ hieni. Żewġha Paolo di Ferdinando kien iwettaq vjolenza domestika fuqha u kien irresponsabbli.

“L-istorja tgħid li anki biex tmur sal-knisja, Rita kien ikollha tokroblu bil-ħniena biex jagħtiha permess. Meta kien ikun f’burdata ħażina, kien juriha l-qamar fil-bir. Santa Rita kienet vittma ta’ vjolenza domestika!” saħaq Mons. Grech. Żied jgħid li llum in-nisa qed jgħaddu minn dak li għaddiet Santa Rita.

Fakkar li l-vjolenza domestika mhix biss is-swat imma tista’ tkun ukoll psikoloġika. Dan isir meta l-mara tkun miżmuma bħala inferjuri, tkun meqjusa oġġett, ma jkollhiex dritt titkellem u tkun ipprojbita milli tagħmel dak li trid bħal meta tkun trid tistudja jew taħdem.

Qal li ma jeskludix li jkun hemm għarajjes li jaslu biex jiżżewġu għax ikun hemm xi għamla ta’ pressjoni fuq l-għarusa, bħal fil-każ meta din tkun mhedda minħabba mġiba intima kompromessa matul l-għerusija, forsi minħabba ċerti impenji finanzjarji u l-bqija.

“Illum qisu mhux biżżejjed li l-mara hija ssagrifikata fuq l-altar tar-riklami, tal-pornografija u tal-konsumiżmu, imma saħansitra hemm min irid jissagrifika lill-mara fuq l-altar tal-familja li suppost huwa altar tal-imħabba,” qal Mons. Grech.

Appell għall-kappillani u għas-saċerdoti

Ħeġġeġ lin-nisa vittmi tal-vjolenza domestika biex jiddefendu d-drittijiet tagħhom. Qal li s-silenzju quddiem din il-pjaga mhux virtù.

“Ħafna jagħżlu li jsofru din il-vjolenza b’mod erojku fis-skiet, imma hemm min tiġih waħda ħażina u jibqa’ taħtha,” qal Mons. Grech.

Appella lill-kappillani, lis-saċerdoti, u lill-katekisti biex jekk jaraw sinjali li jaf ikun hemm każ ta’ vjolenza domestika jieħdu azzjoni u jsejħu għall-għajnuna.

Qal ukoll li r-raġel ma jistax imur jixrob u jisker, jittaqqab għad-droga, jilgħab u jitlef flusu, imbagħad imur id-dar u jinfexx f’martu.

L-Isqof appella lin-nies jitolbu għal dawk kollha li huma vittmi ta’ din il-vjolenza fid-dar biex ma jaqtgħux qalbhom imma jqumu fuq riġlejhom. “Il-maħfra hija sabiħa, imma ma jfissirx li min jaħfer għandu jittollera dan id-dannu li jkun qed isir lilhom u lill-familja tagħhom,” temm jgħid l-Isqof.