Il-maħfra hi festa

Il-maħfra hi festa. Għall-midneb ma jistax ikun hemm ferħ akbar minn dak li jesperjenza meta jirċievi l-maħfra sagramentali.
Din hi t-tema ġenerali tal-pubblikazzjoni “Il-Festa tal-Maħfra ma’ Papa Franġisku”.
Il-ktieb ta’ 100 paġna qed jitqies bħala strument utli biex wieħed jersaq lejn is-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni, b’umiltà, serenità u preparazzjoni tajba.
Il-ktieb irid jinkoraġixxi lin-Nisrani li jpoġġi l-qrar fil-qalba tal-ħajja Nisranija.  U dan bl-għajnuna ta’ kliem il-Papa Franġisku li nġabar b’mod biex ikun ta’ għajnuna kemm għall-penitent kif ukoll għall-konfessur.
Filwaqt li għal xi ħadd li jindem sinċerament m'hemmx tfixkil biex jipparteċipa fl-imħabba t’Alla li jistenniena lkoll nersqu lejh, lil kulħadd tingħata l-possibbiltà li jesperimenta l-qawwa tal-liberazzjoni li tagħti l-maħfra.
Il-qarrej isib il-qalb ħanina ta’ Alla, espressa permezz tas-saċerdot li jagħti l-assoluzzjoni. Il-ktieb hu mixja personali u komunitarja, akkumpanjat mill-eżortazzjonijiet tal-Papa miġbura minn omeliji u diskorsi li għamel f’diversi okkażżjonijiet. 
Il-messaġġ ewlieni hu li “Alla qatt ma jgħejja jaħfrilna”
Il-maħfra hi turija mill-aktar evidenti tal-kobor tal-imħabba t’Alla li rrivelalna Kristu meta kien fostna fid-dinja. “Il-qrar m’għandux ikun tortura, imma kulħadd għandu joħroġ mill-konfessjonarju bil-ferħ f’qalbu u b’wiċċu jiddi bit-tama anke jekk kultant ikun miksi bid-dmugħ tal-konverżjoni u l-ferħ li jiġi minnha”, qal il-Papa.
Il-ktieb hu riflessjoni tas-sinjifikat partikolari tal-ħajja u l-ispiritwalità tal-Papa Franġisku li jsostni li “s-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni għandu jsib postu fiċ-ċentru tal-ħajja Nisranija”.
Fih ukoll parti dwar l-indulġenza u kif din tinkiseb u fih ukoll riflessjonijiet tal-Papa dwar il-parabboli fejn il-midinba tbus riġlejn Kristu u dik dwar l-adultera li Kristu ħafrilha.