“Pieni eħrex għall-korruzzjoni fl-isport” – il-Maġistrat Mifsud

Raġel intbagħat sentejn ħabs u mmultat €2,000 wara li nstab ħati li ħajjar plejers tat-tim tal-futbol Malti ta’ taħt il-21 sena biex jinxtraw.
Fil-Qorti nstema’ kif Ronnie Mackay kien qabbad lil Seyble Zammit ta’ 23 sena sabiex isiblu plejers fit-tim Malti li kienu lesti li jinxtraw għal €3,500-il wieħed għal-logħba kontra l-Montenegro f’Marzu tas-sena l-oħra.
Jidher li Mackay kien anki offra flus lil Zammit tax-xogħol li xtaqu jwettaq.
Minkejja dan, Zammit kien sab biss żewġ plejers li aċċettaw li jinxtraw, u għalhekk dan ma kienx biżżejjed għal Mackay. Minkejja dan, fil-Qorti kompla jinstema’ li ż-żgħażagħ li Zammit laħaq sab kienu aċċettaw biss li jiltaqgħu ma’ Mackay biex jiffinalizzaw il-ftehim, u mhux li jinxtraw dakinhar mill-ewwel.
Mackay instab ukoll li hu riċediv, bi tliet sentenzi definiti oħra. Huwa ntalab ukoll iħallas €1,426 għall-ispejjeż tal-Qorti.
Fis-sentenza tiegħu, il-Maġistrat Joe Mifsud qal li persuni bħal Mackay jagħmlu ħsara lil isem Malta, lill-isport Malti, lit-tim nazzjonali Malti, u agħar minn hekk lill-plejers żgħażagħ futuri.
Il-Maġistrat Mifsud kompla jgħid fil-Qorti li għandhom jiżdiedu l-pieni marbuta ma’ reati bħal dawn b’mod li tiġi riflessa verament il-ħsara li tkun saret.
Irrakkomanda wkoll wasal iż-żmien li min jinqabad li wettaq reati ta’ korruzzjoni fl-isport ma jitħallhiex jirfes l-għatba ta’ postijiet fejn isiru attivitajiet sportivi, bħal grawnds u postijiet oħra li jamministraw xi qasam tal-isport, bħalma jiġri preżentament meta xi ħadd jinqabad iwettaq vjolenza f’xi grawnd.