Maġistrat jappella biex il-Pulizija jkunu aktar protetti fuq xogħolhom

Il-Maġistrat Joe Mifsud appella li l-Pulizija għandhom ikunu aktar protetti waqt il-qadi ta’ dmirijiethom u saħaq li ħadd ma għandu jiġi skużat jekk jhedded jew iweġġa’ uffiċjal tal-Pulizija.
Il-Qorti tal-Maġistrati qed tinnota li żdiedu l-każi fejn persuni ma jobdux l-ordinjiet tal-Pulizija u saħansitra jattakkawhom fiżikament.
“Ordni tal-Pulizija għandha tkun obduta mal-ewwel u għandu jintwera rispett lejn kull uffiċjal dejjem u kullimkien,” saħaq il-Maġistrat.
Dr Mifsud qal li ma jixtieqx li l-membri tal-Korp tal-Pulizija jżommu lura mill-qadi ta’ dmirijiethom għax mhux dejjem isibu l-appoġġ għall-ħidma tagħhom.
“Il-Pulizija Eżekuttiva hija hemm sabiex tipproteġi ċ-ċittadin u m’għandiex tiġi mqiegħda f’sitwazzjoni li tibża’ teżerċita d-dritt tagħha li tikkoreġi lill-individwu li ma jkunx qed jimxi skont il-liġi.”
Fl-aħħarnett il-Qorti ħeġġet lill-Pulizija biex ma tibżax tintervjeni kull fejn ikun hemm nuqqas sabiex tkompli ssaħħaħ l-armonija sħiħa fil-pajjiż.