Il-Maġistrat Joe Mifsud innominat President Onorarju tal-Juventus Club Malta

Il-Maġistrat Joe Mifsud ġie nnominat bħala President Onorarju tal-Juventus Club Malta Cuore Bianconero biex b’hekk sar l-ewwel persuna li qed jokkupa din il-kariga minkejja li qatt qabel ma kien serva bħala membru tal-Kumitat.

Ir-rikonoxximent ingħatalu mill-Kumitat waqt ċerimonja li saret fil-bini tal-klabb, fil-Marsa. Waqt diskors tal-okkażjoni l-President Marlon Hili ddeskriva lill-Maġistrat Joe Mifsud bħala persuna ġenwina u professjonist rispettat, rikonoxxut minn kull parti tas-soċjetà, bil-kisbiet matul ħajtu u l-karriera tiegħu jagħmlu lill-membri tal-Kumitat onorati li jilqgħuh f’din il-familja Juventina.

Min-naħa tiegħu l-Maġistrat Mifsud aċċetta dan l-unur u faħħar it-twaqqif tal-klabb, li ddeskrivieh bħala “istituzzjoni li rnexxielha toffri alternattiva ġenwina lill-Juventini Maltin. Hu wiegħed il-kontribuzzjoni tiegħu biex jgħin lill-klabb joħroġ b’inizjattivi ġodda u jikber dejjem iktar.

Bħala l-ewwel inizjattiva tiegħu bħala President Onorarju, il-Maġistrat Joe Mifsud ta b’donazzjoni sett ta’ dokumentarji biex jitgawdew mill-Juventini Maltin. Dawn id- dokumentarji se jservu bħala l-ewwel pass għall-ħolqien ta’ librerija fil-klabb. Il-Maġistrat Joe Mifsud b’hekk ingħaqad mal-eks Presidenti Dr Joseph Borg, Omar Busuttil u Jean Borg kif ukoll wieħed mill-fundaturi, George Camilleri, u James Mizzi li huma l-Presidenti Onorarji tal-Juventus Club Malta Cuore Bianconero.