Il-Maġistrat Bugeja jitlob lil Casa jixhed dwar ir-rapport tal-FIAU; Allegazzjonijiet mhux sostanzjati – Mizzi

Wara li l-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa qal li ntalab jixhed quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja biex jippreżenta l-evidenza kollha li għandu b’rabta mar-rapport tal-aġenzija tal-Gvern kontra l-ħasil tal-flus (FIAU), il-Ministru Konrad Mizzi qal li l-allegazzjonijiet ta' Casa mhumiex sostanzjati.
Fi stqarrija Casa qal li huwa se jkun qed jieħu l-ġurament nhar it-Tnejn fid-9am. Huwa tenna li għandu fiduċja fil-ġudikatura Maltija bħala l-aħħar tama għall-poplu Malti.
Casa stqarr li se jkun qed jipprovdi dak kollu li jaf lill-Maġistrat. Qal li jinsab kunfidenti li din l-informazzjoni se tkun qed tgħin lill-ġudikatura biex tagħmel dak li suppost tagħmel il-Pulizija. Fil-fehma ta’ Casa huwa ċar li l-Kummissarju tal-Pulizija mhuwiex interessat li jinvestiga reati li twettqu minn nies qrib il-Prim Ministru ta’ Malta Joseph Muscat.
Ilbieraħ David Casa ppreżenta rikors fil-Qorti b’dak li qed isejjaħ bħala evidenza ta’ “rapport konklussiv” tal-Aġenzija tal-Gvern kontra l-Ħasil tal-Flus, l-FIAU fil-konfront tal-Ministru Konrad Mizzi. Min-naħa tiegħu, il-Ministru Mizzi qal li l-informazzjoni hi skorretta. 
F’reazzjoni għal dak li qal il-Ministru Konrad Mizzi, Casa qal li Mizzi m’għandux ikollu kariga bħala uffiċjal pubbliku. Fil-fehma tal-Membru tal-Parlament Ewropew, l-informazzjoni li diġà ħarġet fil-pubbliku dwar Mizzi hija biżżejjed biex wieħed jikkonkludi li huwa ħalliel.
Reazzjoni ta' Konrad Mizzi
F’reazzjoni għal dak li qal Casa, il-Ministru Mizzi qal li  Casa huwa ossessjonat bih. Qal li Casa qed ikompli jagħtih fastidju minħabba l-kisbiet tiegħu, bħal dawk b’rabta mal-Enemalta, il-mediċini out-of-stock, u l-Air Malta.
Mizzi temm jgħid li t-tfigħ tat-tajn u t-teatrini huma intenzjonati biss biex jintimidawh milli jkompli jaħdem għall-Maltin.