Il-maġġoranza tat-Taljani jridu jżommu l-Ewro

Stħarriġ li sar fl-Italja juri li bejn 60-72% tat-Taljani jixtiequ li pajjiżhom jibqa’ parti mill-Ewro filwaqt li bejn 23-24% jixtiequ jeħilsu minn din il-munita.
Skont ir-Reuters, l-istħarriġ sar mill-organizzazzjonijiet tal-Euromedia u Piepoli għal programm fuq l-istazzjon televiż Taljan Rai.
L-Ewro saret parti mid-dibattitu politiku qabel l-elezzjonijiet li se jsiru aktar tard din is-sena jew kmieni s-sena d-dieħla.
L-istħarriġ tal-Piepoli wera li 72% xtaqu jibqgħu, 23% riedu jitilqu, u 5% kienu indeċiżi.
L-istħarriġ tal-Euromedia wera li 60% xtaqu jibqgħu, 24% riedu jitilqu, u 16% kienu indeċiżi.