“Il-maġġoranza tal-pulizija jaqdu dmirijiethom” – Delia

Read in English.

“Il-maġġoranza tal-membri fil-Korp tal-Pulizija jaqdu dmirijiethom u huma fundamentali fil-ġlieda kontra l-kriminalità,” qal il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia waqt laqgħa ma’ rappreżentanti mill-Malta Police Association (MPA) fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li Delia sostna li mhux aċċettabbli li l-Korp tal-Pulizija jiġi mtappan bi skandli u għalhekk huwa importanti li toħroġ il-verità dwar il-każijiet irrappurtati fil-midja. 

Delia kien qed jirreferi għall-allegat abbuż tas-sahra minn membri fil-Korp tal-Pulizija, li wasslet għall-arrest ta’ 40 uffiċjal u r-riżenja tas-Supretendent tas-Sezzjoni tat-Traffiku.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li bħalissa fil-Parlament qed jiġu diskussi temi relatati mal-ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija. Huwa qal li f’dan il-mument ta’ kriżi għall-Korp tal-Pulizija, l-Gvern għandu jaċċetta l-proposta li saret mill-Oppożizzjoni fejn il-Kummissarju l-ġdid ikun igawdi l-fiduċja taż-żewġ naħat. Dan billi tintuża sistema fejn il-Kummissarju tal-Pulizija jkun approvat b’vot taż-żewġ terzi tal-Kamra. 

Matul il-laqgħa ntqal li n-numru ta’ dawk allegatament involuti fl-iskandlu li heżżeż il-Korp huwa żgħir meta mqabbel mal-ammont ta’ pulizija onesti. Għaldaqstant, Delia żied jgħid li xorta huwa reat gravi li membri tal-Pulizija jkunu involuti fi skandli jew korruzzjoni.

Delia kien akkumpanjat mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Sigurtà Nazzjonali u l-Ġlieda kontra l-Kriminalità Beppe Fenech Adami u l-Minority Leader f’San Pawl il-Baħar Graziella Galea. Għall-MPA kienu preżenti l-Assistent Segretarju Ġenerali Kevin Curmi u s-Segretarju Eżekuttiv Johann Mifsud.