Il-maġġoranza tal-Maltin ma jridux aktar turisti – studju

Studju li sar minn żewġ riċerkaturi mill-Università ta’ Malta sab li l-maġġoranza tar-residenti Maltin ma jridux li jiġu aktar turisti milli diġà hawn f’Malta.

L-istudju sar mill-Professur Lino Briguglio u Dr Marie Avellino. Prof. Lino Briguglio huwa d-Direttur tal-Istitut tal-Gżejjer u Pajjiżi Żghar tal-Università ta’ Malta. Dr Marie Avellino hija d-Direttur tal-Istitut tat-Turiżmu, Vjaġġar, u Kultura tal-Università ta’ Malta.

L-awturi qalu li t-turiżmu ħafna drabi huwa kkunsidrat bħala attività pożittiva għat-turist b’rabta ma’ dak li għandu x’jaqsam mar-rikreazzjoni u l-avventuri fost affarijiet oħra. Huwa wkoll meqjus bħala pożittiv għall-komunità li tilqa’ lit-turisti minħabba d-dħul u l-impjieg li jiġġenera t-turiżmu.

Intqal li t-turiżmu żdied ħafna fl-aħħar snin grazzi għar-roħs fil-prezz tal-ivjaġġar. F’ħafna postijiet madwar id-dinja, in-nies bdew jesperjenzaw l-effetti negattivi ta’ rati għoljin ta’ turisti – iffullar, traffiku, konġestjoni, ħsara lill-ambjent, u mġiba ħażina.

In-numru ta’ turisti li jiġu Malta kull sena żdied b’ritmu mgħaġġel bejn l-2010 u l-2018 – minn 1.33 miljun għal 2.59 miljun.

Ir-riċerkaturi ddeċidew li jagħmlu kwestjonarju online kmieni fl-2019. B’kollox 400 residenti Maltin wieġbu l-mistoqsijiet tagħhom.

Instab li 51% tan-nies ma jridux jaraw aktar turisti fil-post fejn joqgħodu filwaqt li 18.3% qalu li riedu żieda.

Ir-riċerkaturi qalu li dan juri li hemm turiżmu żejjed f’Malta.

Instab ukoll li 44% tan-nies jemmnu li meta jkun hemm iżżejjed turisti jkun hemm skumdità  soċjali (social discomfort) fil-post fejn jgħixu. Mill-banda l-oħra 39% ma jaqblux filwaqt li 17% ma kenux deċiżi.

Mistoqsija dwar jekk jaħsbux li meta jkun hemm turisti żejda ssir ħsara lill-ambjent, 45.8% wieġbu “iva” filwaqt li 37.8% qalu li “le”.

Kienu biss 16.5% li qalu li riedu aktar lukandi u ristoranti filwaqt li 75.5% kienu kontra.

Bejn l-2017 u l-2018 ħafna rapporti bdew jiddeskrivu l-frustrazzjoni tar-residenti lokali minħabba turisti żejda bħala “overtourism” (turiżmu żejjed).

Briguglio u Avellino kkonkludew li l-overtourism jista’ jwassal għan-nases  soċjali u ambjentali li jistgħu jgħelbu l-benefiċċji ekonomiċi tat-turiżmu. Qalu wkoll li mir-risposti li rċevew mill-istudju jidher li din hija s-sitwazzjoni f’Malta bħalissa.

L-awturi qalu li għall-fini tal-istudju tagħhom, assoċjaw l-overtourism ma’ sitwazzjoni fejn il-komunità lokali temmen li mhux tajjeb li jkun hemm aktar turisti milli hemm diġà.

Ir-riċerkaturi qalu li diversi gvernijiet f’Malta kienu jitkellmu dwar it-turiżmu sostenibbli però l-kliem hemm kien jibqa’ – azzjoni xejn. Spjegaw li s-suċċess tal-industrija ġeneralment titkejjel b’kemm daħlu turisti. Qalu wkoll li biż-żieda ta’ linji tal-ajru low-cost u vjaġġar irħis minn Sqallija d-dependenza fuq turiżmu ta’ kwalità baxxa aktarx żdiedet.

X’qalu li huma l-vantaġġi u l-iżvantaġġi tat-turiżmu?

L-aktar vantaġġi li ssemmew fil-kwestjonarju tar-riċerkaturi kienu:

  • Benefiċċji ekonomiċi
  • Benefiċċju soċjo-kulturali

L-aktar żvantaġġi li ssemmew kienu:

  • Ħsara lill-ambjent
  • Traffiku, storbju, u ffullar

Persuna li wieġbet il-kwestjonarju żiedet kumment: ’Ma nieħux gost li żgħażagħ barranin isiru jafu lil Malta bħala l-gżira tal-parties fejn is-sess u d-droga huma faċli biex issibhom.’

Ir-riċerkaturi qalu li r-riżultati tal-istudju juru li n-nies li rrispondew il-kwestjonarju jemmnu li għandu jonqos in-numru ta’ turisti li jiġu Malta filwaqt li għandha titjieb il-kwalità ta’ dawk li jiġu.

Briguglio u Avellino qalu li r-residenti għandhom jiġu inklużi fl-iżvilupp tat-turiżmu. Żiedu jgħidu li l-interessi tan-negozji ħafna drabi jfittxu l-profitt ta’ malajr filwaqt li l-politiċi jiftaħru bin-numru ta’ turisti għal skopijiet politiċi.

Il-ġimgħa l-oħra l-Partit Nazzjonalista qal li n-negozji żgħar fil-qasam tal-bejgħ tal-ikel u servizzi qegħdin jilmentaw li l-infiq mit-turisti mhux qed ilaħħaq ma’ dak li kien mistenni minnhom, peress li d-dħul mhuwiex jissodisfa l-investiment tagħhom.

“M’għadniex nattiraw turisti ta’ kwalità” – PN