Il-maġġoranza tal-Maltin jemmnu li l-korruzzjoni hija mifruxa – Eurobarometer

Il-maġġoranza tal-Maltin jaħsbu li l-problema tal-korruzzjoni f’Malta hija mifruxa. Dan joħroġ minn stħarriġ tal-Eurobarometer dwar il-korruzzjoni.

F’rapport il-Kummissjoni Ewropea qalet li 89% tal-Maltin jemmnu li l-korruzzjoni hija mifruxa madwar il-pajjiż tagħhom. Il-medja Ewropea hija ta’ 71%. Dan ifisser li kien hemm żieda ta’ 10 punti f’Malta mill-2017 ‘l hawn.

L-istudju li sar f’Diċembru tal-2019 jikklassifika lil Malta fis-seba’ post minn 27 pajjiż għal perċezzjoni tal-korruzzjoni.

Intant 74% tal-Maltin jaħsbu li fl-aħħar tliet snin kien hemm żieda fil-livell ta’ korruzzjoni f’Malta. Il-medja Ewropea kienet ta’ 42%.

Instab ukoll li aktar minn nofs (54%) il-Maltin jemmnu li ġew affettwati personalment mill-korruzzjoni. Kwart tal-Maltin jaħsbu li huwa diffiċli li wieħed ikollu l-provi ta’ dak li ġara. Hemm numru akbar (33%) li jaħsbu li wieħed għalxejn jirrapporta u oħrajn (35%) li jemmnu li m’hemm l-ebda protezzjoni għal min jirrapporta l-korruzzjoni.