Il-maġġoranza tal-lezzjonijiet tal-Università se jkunu qed isiru online – KSU

Aġġornat 07:17 AM
Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Kunsill Studenti Universitarji (KSU) ħabbar li wara laqgħa tas-Senat tal-Università kien deċiż li l-lezzjonijiet tal-Università se jkunu qed isiru fil-maġġorparti tagħhom online, filwaqt li fejn hu possibbli kien se jkun hemm għażla fiżika wkoll.

Fi stqarrija, il-Kunsill spjega li ġie mgħarraf mir-rappreżentati tal-istudenti fis-Senat li:

  • L-linjigwida tal-Awtoritajiet tas-Saħħa dwar l-Università se jkunu ppubblikati fil-ġranet li ġejjin.
  • Il-lectures se jkunu qed isiru online u fejn hu possibbli jkun hemm għażla li wieħed fiżikament jattendi għal-lezzjonijiet fil-kampus tal-Università.
  • Lectures b’numru kbir ta’ studenti se jkunu qed isiru kompletament online. In-numru ta’ studenti għadu jrid jiġi identifikat iżda hu mifhum li se jkun ta’ madwar 70 student.
  • Lectures ta’ gruppi żgħar se jsiru online bil-possibilità li xi ħadd jattendi fiżikament. Wara li joħorġu l-linjgwida, id-dipartimenti u l-fakultajiet se jkunu qed janalizzaw liema study units jistgħu jsiru fiżikament, u dan dejjem jiddependi fuq l-ispazji disponibbli.
  • Wara talba tar-rappreżentanti tal-istudenti, il-metodi tal-assessjar għat-terminu li jmiss iridu jkunu deċiżi u ppreżentati lis-Senat għall-approvazzjoni sat-22 ta’ Ottubru.

Waqt din il-laqgħa, il-KSU ppreżenta l-Pandemic Response Policy lis-Senat biex jappell lill-akkademiċi kollha biex itejbu t-taħriġ online u l-assessjar online u jassigraw li l-komunikazzjoni mal-istudenti ssir fil-ħin opportun, b’mod effettiv u tkun kostanti.

Jidher li d-diskussjonijiet dwar il-gradwazzjonijiet għadhom għaddejjin biex jinstabu alternattivi li jagħmlu sens u jżommu d-dinjità ta’ okkażjoni daqshekk importanti fil-ħajja tal-istudenti u l-familji tagħhom. Kien deċiż li sal-20 ta’ Novembru, l-istudenti kollha se jkunu kkunsidrati bħala gradwati, bil-possibilità li ċ-ċerimonji jsiru aktar tard. Dawn jippermetti li l-istudenti jippreżentaw iċ-ċertifikati tagħhom għal raġunijiet ta’ fondi u biex ikomplu l-istudji akkademiċi tagħhom.

Il-Kunsill ħeġġeġ lill-Awtoritajiet tas-Saħħa biex joħroġ gwidi għall-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni terzjarja mingħajr aktar dewmien biex l-istudenti jkollhom biżżejjed ċans jippreparaw għas-sena akkademika li jmiss. Il-Kunsill kien bagħat ittra lis-Superintendent għas-Saħħa Pubblika u l-Ministeru għas-Saħħa b’mistoqsijiet lura fl-10 ta’ Awwissu, liema ittra għadha s’issa ma kinitx imwieġba.

Il-Kunsilla appella wkoll lill-Università biex tigginalizza l-loġistika għas-sena akkademika li jmiss. Dan biex l-istudenti jkunu ppreparati biex ikomplu l-istudji tagħhom fil-ġimgħat li ġejjin mingħajr ansjetà u problemi loġistiċi.

Ma kienx hemm qbil dwar il-protokolli tal-ftuħ tal-Università għall-2020 – UMASA

L-Assoċjazzjoni Akkademika tal-Università ta’ Malta (UMASA) fi stqarrija qalet li tixtieq tikkjarifika li għall-kuntrarju ta’ li qed jgħidu r-rapporti fil-midja, għad ma hemmx qbil mal-unions rappreżentanti tal-istaff dwar il-ftuħ ta’ protokolli għas-sena akkademika li jmiss.

L-UMASA qalet li kienet f’diskussjoni u konsultazzjoni kontinwa mal-istaff u l-maniġment dwar il-ftuħ mill-ġdid għas-sena akkademika tal-2020. Ikkjarifikat li d-diskussjonijiet għadhom għaddejjin u għadu ma ntlaħaq l-ebda ftehim dwar problemi fundamentali li għadhom ma ġewx riżolti. Insistiet li mhux se taċċetta sitwazzjoni fejn it-tħassib pedagoġiku u dwar is-saħħa tal-istaff akkademiku jkun injorat.