Il-maġġoranza tal-kummenti dwar il-Baġit 2018 kienu negattivi – studju

Interessanti iżda żbilanċjat - Il-Ministru Scicluna

Read in English.

Studju li sar dwar il-kummenti online dwar il-Baġit tal-2018 sab li l-maġġoranza tagħhom kienu negattivi.

L-istudju sar minn żewġ riċerkaturi – Keith Cortis mill-Aġenzija Maltija għall-Informatika (MITA) u Brain Davis mill-Università ta’ Dublin City. Ġie ppublikat f’ACL Anthology.

Huma ppreżentaw opinjoni soċjali dwar il-Baġit tal-Gvern Malti għall-2018. B’kollox ġabru aktar minn 500 post online bl-Ingliż u bil-Malti mill-midja soċjali u minn siti tal-aħbarijiet.

Ir-riċerka ffukat fuq l-opinjonijiet tan-nies dwar il-Baġit tal-2018 li ġie ppreżentat fid-9 ta’ Ottubru 2017 mill-Ministru Edward Scicluna.

Il-kummenti tan-nies ġew ippreżentati lil żewġ “raters”. Dawn kienu jafu jitkellmu kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż. Intalbu jaqraw il-kummenti u jiddeċiedu fost affarijiet oħra jekk il-kumment kienx wieħed pożittiv jew negattiv.

Fl-aħħar ġew analizzati 547 kummenti.

Minnhom 280 kienu negattivi (51.2%) u 122 kienu pożittivi (22.3%). Kien hemm ukoll 145 li kienu newtrali (26.5%).

Il-Ministru Edward Scicluna kien xettiku dwar il-mod kif saret l-analiżi. Fuq Twitter qal li r-riċerkaturi injoraw prinċipji bażiċi tar-random sampling. Qal li l-iżbilanċ li hemm huwa “evidenti ħafna”. Issuġġerixxa li jsir stratified sample ibbażat fuq gruppi ta’ Facebook fl-analiżi li jmiss. Iddeskriva l-metodoloġija li ntużat bħala waħda “interessanti u innovattiva” għall-analiżi ta’ risposti speċifiċi.

Ir-riċerkaturi kkonkludew li informazzjoni bħal din tista’ tintuża mill-Gvern Malti biex tibni intelliġenza dwar l-ekonomija Maltija. Iħossu li l-informazzjoni li ġabru tista’ tkun ta’ benefiċċju kbir għax hija miġbura skont is-sentimenti. Qalu li hija l-ewwel waħda tat-tip tagħha għal Malta. Qalu li se jkomplu jibnu fuq l-informazzjoni li ġabru permezz tal-kummenti li jinkitbu wara kull baġit.

Ir-riċerkaturi fakkru kif stħarriġ juri li Malta hija t-tnieni l-aktar pajjiż li juża l-midja soċjali fl-Ewropa b’madwar 90% tal-adulti jkunu attivi fuq il-midja soċjali. Madwar 80% tan-nies jaqraw l-aħbarijiet online.

Tista’ taqra l-artiklu sħiħ ta’ Cortis u Davis minn hawn.