Il-maġġoranza tal-kawżi ta’ vjolenza domestika jitwaqqgħu – Bonnici

F’tabella li ppubblika l-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici fil-Parlament jidher kif il-maġġoranza tal-kawżi fil-Qorti dwar vjolenza domestika fl-aħħar erba’ snin, bejn l-2015 u l-2018, spiċċaw sabiex ġew eżawriti, jiġifieri ma komplewx jinstemgħu.

Il-Ministru Bonnici kien qed iwieġeb mistoqsija Parlamentari tal-viċi-speaker Claudette Buttigieg li staqsiet dwar in-numru totali ta’ persuni li tressqu l-Qorti b’akkużi ta’ vjolenza domestika u x’kienu l-pieni tagħhom fi tmiem il-kawża. Il-Ministru semma kif din is-sena, mill-1 ta’ Jannar sal-21 ta’ Marzu daħlu fil-Qorti 18-il kawża ta’ vjolenza domestika. Intant, bejn l-2015 u l-2018 kien hemm total ta’ 2,256 każ f’Malta. Il-Ministru Bonnici qal ukoll li fil-Qorti ta’ Għawdex ma tinżammx statistika dwar każi ta’ vjolenza domestika peress li dawn jidħlu bħala każi tad-Distrett.

X’inhuma l-pieni li ngħataw?

Skont l-istatistika pprovduta mill-Ministru Bonnici, propju 1,690 każ matul l-erba’ snin imsemmija ma komplewx jinstemgħu fil-Qorti. Ir-raġunijiet wara dan ma ġewx imsemmija. Intant kien hemm 218-il persuna ġew liberati mill-akkużi. 127 persuna nstabu ħatja u ngħataw multa.

Mill-persuni kollha li tressqu l-Qorti kienu 10 biss li ntbatu l-ħabs dwar il-każ ta’ vjolenza domestika, filwaqt li tnejn ingħataw il-liberazzjoni bla kundizzjoni. Kienu 12 dawk li nstabu ħatja u ngħataw sentenza sospiża.

X’kienu wħud mill-każijiet ta’ vjolenza domestika li smajna bihom dan l-aħħar?

Każ partikolari li seħħ f’Janna ra mara taqbeż barra minn tieqa biex taħrab mill-vjolenza domestika. B’rabta mal-każ, raġel ta’ 47 sena ġie arrestat u akkużat li weġġa’ l-isieħba tiegħu u li pprova jwaqqafa milli tixhed.

Każ ieħor li seħħ fi Frar kien seħħ f’negozju. Il-Pulizija qalet li l-vittma tal-vjolenza domestika ma riditx tikkoopera magħha u ma riditx tidentifika l-aggressur. Madanakollu l-Pulizija qalet li identifikat l-aggressur u ħarġet l-akkużi fil-konfront tiegħu.

Koppja dehru jitgħannqu u juru affezzjoni lejn xulxin fil-Qorti wara li allegatament il-mara sfat vittma ta’ vjolenza domestika. Il-mara qalet li hi tixtieq li tibqa’ tgħix mar-raġel tagħha. Dan ħareġ wara li r-raġel tagħha tressaq il-Qorti akkużat li fera ħafif lil martu u nissel fiha biża’.