Il-maġġoranza tal-Għawdxin jgħidu li l-mina m’għandhiex żvantaġġi – studju

Il-maġġoranza tal-Għawdxin (46.6%) wieġbu li mina bejn Malta u Għawdex mhux se ġġib magħha żvantaġġi, skont ir-riżultati ta’ kwestjonarju kkummissjonat minn Transport Malta. In-nies li wieġbu għall-mistoqsijiet ma ntgħażlux għall-għarrieda.

Fl-2016 Transport Malta ordnat li jsir Social Impact Assessment biex tiskopri aktar x’jaħsbu n-nies dwar il-proposta ta’ mina bejn Malta u Għawdex. Newsbook.com.mt akkwista kopja ta’ dan ir-rapport permezz ta’ Freedom of Information Request u qed jehmeż kopja tal-kwestjonarju li mlew in-nies.

Mir-riżultati tal-kwestjonarju ħareġ x’inhuma l-ħames l-iżjed vantaġġi u żvantaġġi li ġġib magħha mina, skont in-nies li ħadu sehem fl-istudju.

Vantaġġi

  • Żieda fid-disponibbiltà ta’ xogħlijiet ta’ kwalità f’Għawdex (33%)
  • L-attrazzjoni ta’ aktar investiment privat lejn Għawdex (20.6%)
  • Li familji li jaħdmu Malta ikunu jistgħu jgħixu f’Għawdex (13.6%)
  • Tnaqqis fil-ħin tal-ivjaġġar bejn Malta u Għawdex (13.6%)
  • Xejn (4.4%)

Żvantaġġi

  • Xejn (46.6%)
  • Żieda fil-kostruzzjoni ta’ aktar bini f’Għawdex (16.2%)
  • Żieda fin-numru ta’ karozzi f’Għawdex (14%)
  • Effetti negattivi fuq l-ambjent Għawdxi (4.3%)
  • Żieda fit-taxxi (4.3%)

Dan juri li l-akbar vantaġġ għan nies kien id-disponbbiltà ta’ xogħlijiet ta’ kwalità f’Għawdex. L-akbar żvantaġġ kien meqjus bħala xejn – in-nies qalu li mina ma ġġibx magħha żvantaġġi.

Tista’ tara kopja tal-kwestjonarju li mlew in-nies minn hawn.

Instab li 83% tal-irġiel u 81% tan-nisa kienu favur il-mina. L-istudenti u dawk li jaħdmu kienu favur il-mina (90%) filwaqt li 60% tal-pensjonanti kienu favur. Is-survey tqassam lil 350 persuna. Minnhom, 247 irrispondew (71% response rate). Skont ir-riċerkatur dawn il-persuni kienu jgħixu f’diversi lokalitajiet ta’ Għawdex. Huma ma ntgħażlux b’mod għall-għarrieda imma ntgħażlu mir-riċerkaturi biex jipparteċipaw fl-istudju li sar.

Saru wkoll intervisti fit-tul. Għawdxin qalu li ma mhux sew li jiżdiedu l-Maltin f’Għawdex minħabba l-mina biex imbagħad jispiċċaw jidderieġu l-gżira huma. Oħrajn favur il-mina bejn Malta u Għawdex qalu li huwa impossibbli li wieħed ikollu xogħol tajjeb f’Malta imma li jkollu jaqsam bil-vapur.

Tista’ taqra aktar dwar dawn l-intervisti fit-tul minn hawn.