In-Nutella ssir mill-ġellewż li jiġbru t-tfal?

Aktar minn tliet kwarti tal-ġellewż fid-dinja jitkabbar fit-turkija u jinxtara mill-kumpanija Ferrero, il-kumpanija li tagħmel in-Nutella. Il-maġġoranza assoluta tal-ġellewż li jitkabbar jinġabar minn emigranti u jinkludu wkoll tfal. Dawn jagħmlu sigħat twal jaħdmu u jitħallsu paga baxxa ħafna.

Ħaddiem li jagħmel dan ix-xogħol qal li għalih il-kelma ġellewża tfisser xogħol miżeru u iebes. Huwa kien qed iġorr 35 kilo ta’ ġellewż frisk. Ir-raġel kien f’dawn l-għelieqi mal-mara u t-tfal tiegħu. Waqt li hu jċalaq is-siġar, il-mara u t-tfal jiġbru l-ġellewż li jaqa’ mal-art. Bħala familja huma emigranti Kurdi. Ir-raġel spjega li jaħdmu 10 sigħat kuljum u huwa faċli li wieħed jitlef il-bilanċ u jaqa’.

Fost dawk li qed jaħdmu hemm it-tfal li qed jaħdmu illegalment u qed jitħallsu b’inqas mill-paga minima tat-Turkija. Il-paga minima fit-Turkija hija ta’ madwar €15 kull ġurnata madankollu dawn l-emigranti qed jaqalgħu inqas wara li jkollhom iħallsu 10% lill-kuntrattur li jkun ġabhom f’din il-parti tat-Turkija.