Il-maġġoranza tal-Brittaniċi favur estenzjoni għal Brexit minħabba l-virus

Il-maġġoranza tal-Brittaniċi jaqblu li għandu jkun hemm estensjoni għall-Brexit minħabba l-imxija tal-COVID-19.

Madwar 54% minn 2,000 persuna li ħadu sehem fi stħarriġ li sar mill-Ipsos MORI for the Health Foundation qablu li r-Renju Unit għandu jitlob estensjoni għall-Brexit sabiex ikun jista’ jiffoka fuq il-pandemija tal-coronavirus.

L-ammont ta’ persuni li qablu dwar din l-estensjoni tela’ għall 65% wara li ġew infurmati li jekk ma jkunx hemm qbil dwar Brexit hemm il-probabilità li l-prodotti mediċinali jittardjaw biex jiġu importati fil-pajjiż.

Aktar minn tliet kwarti ta’ dawk li ħadu sehem f’dan l-istħarriġ qablu li r-Renju Unit għandu jaħdem id f’id mal-Unjoni Ewropea dwar l-imxija tal-COVID-19.

Ir-Renju Unit ma baqax formalment parti mill-Unjoni Ewropea fil-31 ta’ Jannar u daħal f’perjodu ta’ trażizzjoni li jiskadi fil-31 ta’ Diċmbru 2020.

Ir-Renju Unit għandu sal-aħħar ta’ Ġunju biex jinforma lill-Unjoni Ewropea jekk jixtieqx jestendi dan il-perjodu iżda l-Ministru Michael Gove fuq Twitter qal li diġà informa lill-UE b’mod formali li dan mhux se jkun qed isir. Huwa żied li fl-1 ta’ Jananr 2021 il-Gvern se jkun qed jerġa’ jieħu indipendenza tal-politika u l-ekonomija tal-pajjiż.

It-Tnejn, il-Prim Ministru Boris Johnson se jkun qed jiltaqa’ mal-mexxejja Ewropej.