“Il-maġġoranza tal-anzjani bil-COVID-19 f’Dar San Ġużepp bla sintomi”

Aġġornat 07:39 AM

Read in English.

Il-maġġoranza tal-pazjenti li ħarġu pożittivi għall-coronavirus f’Dar San Ġużepp fil-Fgura jidher li m’għandhom l-ebda sintomi. Dan intqal permezz ta’ post fuq il-paġna ta’ Facebook tal-istess dar tal-anzjani.

Kien spjegat li minn 278 resident li hemm fid-dar, 113 ħarġu pożittivi s’issa. Intant hemm 29 membru tal-istaff li huma pożittivi għall-virus u 50 membru tal-istaff li jinsab fi kwarantina.

X’kien qal il-Ministeru għas-Saħħa?
113 pożittivi għall-coronavirus f’Dar San Ġużepp

Intant, kien spjegat ukoll il-mod kif qed jippruvaw jikkontrollaw il-firxa fid-dar. Intqal li r-residenti qed ikunu separati skont ir-riżultati tat-test permezz ta’ bubble clusters. Każi pożittivi, każi negattivi u persuni fi kwarantina mhux qed jitħallew jiġu f’kuntatt ma’ xulxin.

Hemm diversi tobba li qed jagħtu s-sapport tagħhom, inkluż erba’ konsulenti u tliet tobba tal-familja. Dawn qed jaħdmu lejn u nhar biex isegwu s-sitwazzjoni fid-dar. Intant qed jieħdu wkoll deċiżjonijiet dwar jekk pazjent għandux jitħalla fir-residenza jew jittieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura.

L-istaff qed ikollu jgħamel swab test kull tliet ijiem.

Tħabbar ukoll li xi persuni li qabel kienu ħarġu pożittivi għall-virus issa jidher li qed ifiqu. Il-qraba tal-persuni li qed ifiqu mill-virus qed ikunu mgħarrfa dwar dan immedjatament wara li joħroġ ir-riżultat. Kien spjegat li qed jinżamm kuntatt ukoll mal-qraba ta’ dawk il-persuni li ma ħarġux pożittivi permezz ta’ messaġġi, telefonati u e-mails.

Update ! In the home there are currently 278 residents out of whom 113 have tested positive for Covid-19.One of the…

Posted by Residenza San Guzepp on Wednesday, September 23, 2020

“L-anzjani qed imutu bis-superfiċjalità tal-awtoritajiet, mhux bil-COVID-19” – Neputija ta’ resident

Neputija ta’ waħda mir-residenti fid-dar tal-anzjani San Ġużepp fil-Fgura fetħet qalbha dwar dik li skontha hi s-sitwazzjoni reali bħalissa f’din id-dar.

F’post fuq Facebook il-mara qalet li s-sitwazzjoni f’Dar San Ġużepp hi kollox ħlief taħt kontroll, għal kuntrarju ta’ dak li qed ikun irrappurtat fuq il-midja lokali u soċjali. Sostniet li meta 115-il pazjent minn 300 huma morda bil-COVID-19 is-sitwazzjoni żgur ma tkunx taħt kontroll.

Hija qalet kif ilbieraħ iz-zija tagħha prova jċempel lin-nanna tagħha diversi drabi, pero ma wieġbu ħadd. Wara diversi telefonati twieġbet telefonata waħda, pero minflok infermiera wieġbu resident. Sostniet li dan ifisser li resident li suppost baqa’ f’kamartu ħareġ biex iwieġeb it-telefown.

Il-mara stqarret li ma tafx jekk ir-resident li wieġeb it-telefonata hux pożittiv jew le għal virus, madanakollu sostniet li dan hu sinjal kbir ta’ negliġenza u superfiċjalità. Hija temmet tgħid li l-anzjani f’din ir-residenza mhux qed imutu minħabba l-Covid-19 imma minħabba s-superfiċjalità tal-awtoritajiet, filwaqt li qalet li hi m’għandha l-ebda aġenda politika imma hija ġenwinament inkwetata għan-nanna tagħha.

I’ve decided to write this post so that everyone must know what’s happening in Residenza San Guzepp at Fgura, where my…

Posted by Vanessa Grech on Wednesday, September 23, 2020