Il-maġġoranza tal-Amerikani kontra Trump fl-imxija tal-coronavirus

Il-maġġoranza tal-poplu Amerikan tħoss li l-Gvern Federali ta’ Donald Trump mhux qed jaġixxi biżżejjed  kontra l-coronavirus. Iċ-ċifra ta’ diżapprovazzjoni ta’ 55% hi tmien punti aktar milli kienet sa ġimgħa ilu skont stħarriġ ġdid tas-CNN. L-imwiet mill-virus s’issa żdiedu aktar minn 12,000.

Tmenin fil-mija jħossu li l-agħar tal-coronavirus għadu ġej waqt li 37% jgħidu li  t-tħassib tagħhom dwar il-coronavirus kiber fl-aħħar ftit jiem u jisbqu ħafna l-5% li jgħidu l-biżgħat tagħhom naqsu dan l-aħħar.

Madwar 1 minn 5 (22%) Amerikan jgħid li personalment jaf lil xi ħadd li ħareġ pożittiv bil-virus, ċifra li hija d-doppju ta’ dak li kien ħareġ fi stħarriġ tal-Washington Post/ABC News li sar eżatt ġimagħtejn ilu.

Ftit inqas min-nofs (46%) ta’ dawk li ħadu sehem fl-istħarriġ jgħidu li hu ftit probabbli li huma jew xi ħadd fil-familja tagħhom se jaqbadhom il-coronavirus.

Fejn jidħol il-President Donald Trump, 52% qalu li ma jaqblux mal-mod kif dan ħadha kontra l-coronavirus waqt li 55% jgħidu li jmissu jagħmel aħjar milli għamel s’issa.

Globalment ir-rata ta’ approvazzjoni għal Donald Trump hi ta’ 44% waqt li 51% huma kontrih.