Il-maġġoranza kontra studju bilfors ta’ lingwa barranija – MATSEC

Il-MATSEC qal li l-maġġoranza tan-nies li wieġbu kwestjonarju dwar ir-riformi proposti tal-MATSEC qalu li huma kontra r-riforma li tipproponi l-istudju obbligatorju ta’ lingwa barranija.

Skont rapport maħruġ mill-MATSEC, mill-istħarriġ li sar instab li l-maġġoranza jablu ma’ tlieta mill-erba’ sezzjonijiet tar-riformi proposti. Kważi 80% qablu mar-riformi dwar tibdil fis-Systems of Knowledge (SoK) biex jitjiebu l-ħiliet tal-komunikazzjoni u l-kultura, mar-rikonoxximent tal-parteċipazzjoni tal-istudenti f’attivitajiet barra mill-kurrikulu, u ma’ skema għal-studenti-atleti. Instab li 83.8% kienu kontra l-proposti b’rabta mal-istudju ta’ bilfors ta’ lingwa barranija.

L-MUT ma taqbilx ma’ lingwa barranija obbligatorja fil-postsekondarja

Skont kif wieġbu n-nies instab li s-SoK kif inhu bħalissa falla milli jilħaq il-miri tiegħu. Ħafna kienu favur l-għoti ta’ tliet punti lill-istudenti li jipparteċipaw f’attivitajiet barra mill-iskola. Però intqal li dan għandu jibqa’ l-għażla tal-istudent jekk iridx jieħu sehem jew le.

Skont il-MATSEC, l-introduzzjoni tal-iskema tal-atleti b’talent intlaqgħet b’mod pożittiv. Però, kien hemm min qal li din l-iskema tinjora studenti b’kapaċitajiet artistiċi.

Il-MATSEC qalet li r-rapport li ħejjiet jqajjem il-punti prinċipali li ssemmew fil-konsultazzjon. Deskriviet il-proċess bħala wieħed ta’ suċċess. Il-Bord tal-MATSEC issa se jkun qed jiddiskuti s-sejbiet u jitlob l-għajnuna ta’ esperti biex jiġu ffurmati d-dettalji tar-riforma.

Il-konsultazzjoni pubblika tnediet fit-8 ta’ Lulju tal-2019 u saret permezz ta’ kwestjonarju online. B’kollox kien hemm 2,769 persuna li wieġbet il-mistoqsijiet.

Filmat: Jitħabbru bidliet fil-MATSEC

Tista’ taqra r-rapport tal-MATSEC minn hawn.

Riforma MATSEC: “Lingwa barranija obbligatorja se tfaqqar il-livell tal-Malti u l-Ingliż”