Il-maġġoranza assoluta tal-Amerikani jridu restrizzjonijiet fuq l-abort

Il-maggoranza tal-Amerikani jaqblu li jkun hemm restrizzjonijiet meta jista' jsir abort

Stħarrig tal-opinjoni pubblika li jsir kull sena fl-istati Uniti wera li l-maġġoranza assoluta tal-Amerikani -75% – jaqblu li għandu jkun hemm restrizzjonijiet fejn jidħol l-abort. Ħareġ ukoll li 83% ta’ dawk interrogati jħossu li l-liġijiet għandhom jipproteġu kemm lill-omm kif ukoll lit-tarbija.

Dawn huma wħud mill-konklużjonijiet li ħarġu mill-istħarriġ li sar mill-Marist College li nterroga 1,066 persuna il-ġimgħa li għaddiet. L-Amerikani fil-maġġoranza tagħhom iridu li l-abort ikun jista’ jitwettaq biss fl-ewwel tliet xhur tat-tqala.

Dawn ir-restrizzjonijiet jaqblu magħhom ukoll 61% ta’ dawk li jistqarru li huma “Favur l-għażla” tal-mara. Ma kinitx sorpriża għalhekk, li nstab li 96% ta’ dawk Favur il-Ħajja, jaqblu ma din ir-restrizzjoni.

Is-survey li jsir kull sena hu sponsorjat mill-organiżazzjoni kattolika Knights of Columbus li ilha tħallas għalih sa mill-2008.

Barbara  Carvalho, Direttur tal-kumpannija li għamlet is-survey qalet li r-riżultati juru li fejn jidħol l-abort il-poplu mhux polarizzat u hemm ħafna qbil irrispettivament mill-fehmiet politiċi, dwar dan is-suġġett.

Riżultati oħra li joħorġu minn dan l-istħarriġ juru li:

54% ma jridux li flus mit-taxxi li jħallas il-poplu jintużaw biex isiru aborti.

75% ma jridux li jintużaw it-taxxi biex jitħallsu aborti li jsiru f’pajjiżi oħra mhux fl-Istati Uniti.

55% jemmnu li tobba li jkollhom oġġezzjoni tal-kuxjenza għandhom jitħallew liberi li ma jagħmlux aborti. 35% jridu li t-tobba kollha jkunu obbligati li jagħmlu abort meta mitluba.

42% jsostnu li l-ħajja tibda mal-konċepiment; 10% jgħidu li l-ħajja tibda  fl-ewwel tliet xhur tat-tqala; 9% li  tibda bejn it-tielet u s-sitt xahar tat-tqala; 19% qalu li l-ħajja tibda meta l-fetu jkun kapaċi jgħix barra mill-ġuf; 13% jqisu li l-ħajja tibda meta t-tarbija titwieled filwaqt li 7% qalu li ma jafux eżatt meta tibda l-ħajja.

Barbara Carvalho qalet li l-possibbiltà ta’ żball f’dan l-istudju hi ta’ 3.7%. Sostniet li r-riżultati juru li dawk li jidentifikaw lilhom infushom bħala li huma Favur l-Għażla, mhux bilfors huma favur abort bla ebda restrizzjonijiet kif hemm il-perċezzjoni li huma.