Il-mafkar ta’ Daphne vvandalizzat mill-ġdid

Miguela Xuereb

Il-mafkar għall-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fil-Belt Valletta nstab ivvandalizzat dalgħodu wara li kienu għaddew diversi ġimgħat li fihom ma kienx hemm vandaliżmu.

L-attivist Manuel Delia xerred ritratti ta’ kif instab il-mafkar quddiem il-qorti dalgħodu, bix-xemgħat u l-fjuri mwaqqgħin.

Delia qal kif l-attivisti kienu qegħdin jieħdu ħsieb il-mafkar ta’ kuljum minn mindu l-Qorti sabet lill-eks Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici ħati li kiser id-dritt tal-libertà tal-espressjoni tal-attivisti meta ordna li jitnaddaf il-mafkar darba wara oħra.

Skont Delia, il-mafkar seta’ jkun simbolu ta’ għaqda, iżda l-isforzi ta’ Bonnici biex ma jkunx għadhom qed jaħdmu. Bonnici, li issa hu Ministru għall-Edukazzjoni, kien qal li dak li għamel kien għamlu għall-għaqda u mhux b’pika.

L-aħħar darba li kien sar vandaliżmu fuq il-mafkar kien xahar ilu, meta kien intefa’ likwidu aħmar fuqu.

F’Jannar, il-Prim Ministru Robert Abela ta ordni biex il-mafkar ma jintmessx.