Il-Pulizija jirritornaw l-istrixxun ta’ Daphne lill-attivisti

mafkar daphne ġustizzja

Il-Pulizija rritornaw l-istrixxun li jgħajjat għall-ġustizzja fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia minkejja li l-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici kien ordna li jitneħħa.

Għaldaqstant, l-istrixxun reġa’ twaħħal mal-barrieri madwar il-monument tal-Assedju l-Kbir mill-attivisti wara li ġie żarmat matul il-lejl li għadda mill-għadd kbir ta’ xemgħat li tħallew wara l-vġili li saret f’għeluq il-11-il xahar mill-assassinju. Għal xi ħin, dalgħodu tħalliet biss xema waħda tnemnem quddiem il-barrieri.

Tul ix-xhur, nies mhux magħrufa neħħew il-ritratti tal-ġurnalista, u l-fjuri u x-xemgħat impoġġijja mill-attivisti b’mod repetut. Iżda l-mafkar dejjem reġa’ tpoġġa lura f’postu. Qabel iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Vitorja, il-mafkar tneħħa biex sar xi xogħol ta’ manutenzjoni fuq il-monument. L-attivisti reġgħu poġġewh lura iżda reġa’ tneħħa u minflok l-monument spiċċa mdawwar bl-injam minħabba dak li uffiċjament ġie deskritt bħala xogħol ta’ “restawr”.

Propju s-Sibt li għadda, lejliet il-velja, ġurnalist ta’ Newsbook.com.mt li ra ħaddiema tad-Dipartiment tal-Indafa Pubblika jżarmaw strixxun li twaħħal mal-barrieri ġie aggredit għax waqaf jieħu ritratti u filmati f’post pubbliku.