Il-mafkar ta’ Daphne ma jittifisx wara lejl

Read in English.

Il-mafkar spontanju ddedikat lill-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia ma ntmessx matul il-lejl li għadda. Waqt il-protesta li seħħet ilbieraħ f’għeluq is-sentejn mill-mewt tal-ġurnalista tpoġġew fjuri u diversi affarijiet oħra fuq dan il-monument.

Għal diversi xhur, il-monument tal-Assedju kien qed jiġi mnaddaf mill-ħaddiema tal-Gvern kull darba li l-attivisti jagħmlu xi fjuri jew xemgħat biex ifakkru lill-ġurnalista assassinata. F’Settembru tas-sena l-oħra dan il-monument tgħatta bl-injam minħabba ‘xogħlijiet ta’ restawr’.

Kien hemm diversi persuni u organizzazzjonijiet li kkritikaw din id-deċiżjoni fosthom l-organizzazzjoni Reporters Without Borders li appellat lill-Gvern jieqaf ineħħi l-affarijiet minn fuq dan il-monument, li jfakkru lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

L-attivist Manuel Delia kien fetaħ każ fil-Qorti Kostituzzjonali kontra l-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici u diversi persuni oħrajn. Fl-argument tiegħu Delia kien qal li t-tneħħija tal-banner, tax-xemgħat u l-fjuri kien każ ta’ ċensura, kif ukoll qed tinkiser id-dritt tal-libertà tal-espressjoni.