Il-mafja Taljana wkoll involuta fl-assassinju ta’ Daphne? – Cassola

Roberto Recordare

Read in English.

Il-kandidat indipendenti Arnold Cassola staqsa jekk il-mafja Taljana tistax tkun involuta fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia wkoll, u staqsa jekk il-pulizija humiex qed jinvestigaw din ir-rabta possibbli.

Prof. Cassola qed jixħet dawl fuq dan wara li ġie rrappurtat fil-midja Taljana li negozjant minn Palmi f’Kalabrija qed jiġi investigat fuq suspett li ppjana biex jaħsel €136 biljun għat-tliet gruppi mafjużi prinċipali, u li f’telefonata, hu semma lill-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.

Il-ġurnal Taljan ANSA rrapporta li Roberto Recordare rrefera għall-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, billi qal li “għadhom qed jiġbru l-biċċiet tagħha f’Malta”.

Caruana Galizia kienet assassinata b’karozza bomba fil-Bidnija fis-16 t’Ottubru 2017.

Recordare huwa sid żewġ kumpaniji f’Malta: Golem Malta Limited u Recordare Holding Limited, li għandhom uffiċċji reġistrati f’Ħaż-Żebbuġ u f’Birkirkara.

Wara li ħarġet din l-informazzjoni, Cassola staqsa jekk il-mafja Taljana hijiex involuta fl-assassinju wkoll, u jekk il-Pulizija Maltija hijiex se tinvestiga l-avukati, l-accountants u l-kollegi ta’ Recordare f’Malta.

Hu u jindirizza lill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà, Cassolja qal, “Nistenna tweġibiet ċari għal dawn il-mistoqsijiet.”