​“Il-Mafja Taljana qed tikber f’Malta” – Rosy Bindi

Il-Kap tal-Kummissjoni Taljana Anti-Mafja Rosy Bindi wissiet li l-Mafja Taljana daħlet fl-oqsma tal-bejgħ illegali taż-żejt u tal-gaming.
F’konferenza tal-aħbarijiet fi tmiem żjara ta’ jumejn f’Malta, Bindi ikkritikat lill-awtoritajiet Maltin, meta qalet li dawn baqgħu ma ppublikawx lista ta’ ismijiet ta’ persuni barranin li xtraw il-passaport Malti. Din l-iskema hija magħrufa bħala l-Programm ta’ Investiment Individwali li ftit ilu tħabbar li kkontribwiet għas-surplus tal-Gvern ta’ €112.9 miljun.
Tkellmet dwar ir-rabtiet li hemm bejn Maltin u Libjani fejn jidħol traffikar illegali taż-żejt, u semmiet kif il-Mafja Taljana daħlet ukoll fis-settur tal-gaming.
Spjegat kif dan is-settur jagħti kontribut sostanzjali fl-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiż, fejn allegat li qed iwassal għall-ħasil tal-flus f’Malta minn persuni li jieħdu vantaġġ mis-sistemi legali Maltin.
Aċċennat ukoll għat-traffikar tad-droga, fejn qalet li diversi kriminali qed isibu ospitalità f’Malta u minn hawn, qed imexxu ħidmiet illegali.
Rosy Bindi għaddiet biex titkellem dwar koperazzjoni ikbar bejn il-kummissjoni mmexxija minnha u l-Parlament Malti.
Fin-nuqqas ta’ dan, wissiet li l-mafja se tkompli tespandi l-ħidma tagħha f’Malta.
Żiedet tgħid li l-mafja ma tistax tiġi miġġielda biss bil-pulizija u l-Maġistrati, fejn sostniet kif l-esperjenza turi li dawn jibżgħu iktar minn pinna milli jibżgħu minn pistola.
Ilbieraħ Rosy Bindi kellha wkoll laqgħa privata mal-Arċisqof Charles Scicluna fuq talba tagħha stess.