Il-Madonna tgħidilna biex nagħmlu li jrid Ġesù – L-Arċisqof

knisja.mt

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li l-parir li l-Madonna tagħti lill-Bormliżi u lil kull Nisrani hu li jagħmlu dak li jgħidilhom Binha Ġesù. L-Arċisqof kien qed jagħmel l-omelija fil-Knisja Parrokkjali ta’ Kristu Re, f’Raħal Ġdid, is-Sibt. Eluf ta’ Bormliżi ppakkjaw il-Knisja parrokkjali waqt quddiesa bħala parti mill-pellegrinaġġ bl-istatwa tal-Kunċizzjoni fi triqtha lura lejn il-Knisja Parrokkjali ta’ Bormla.

Filmat: 75 sena mill-Pellegrinaġġ tal-Kunċizzjoni ta’ Bormla

 L-Arċisqof qal:

“Jekk inti jkollok tkellem lill-Madonna u tgħidilha: ‘X’parir tagħtini, O Madonna, imnissla mingħajr tebgħa, x’parir tagħtini? Ftakar fil-kelmiet għeżież tagħha fit-tieġ ta’ Kana:

‘Agħmlu dak li jgħidilkom hu’.  Agħmlu dak li jgħidilkom Ibni! Dak il-parir tal-Madonna lil kull wieħed u waħda minna. Isimgħuha fil-qalb tagħkom din il-kelma għażiża tagħha hawnhekk f’dan it-tempju ddedikat lil Binha Sultan. ‘Agħmlu dak li jgħidilkom Ibni’. Għax hi, meta rat il-bżonn tagħna, meta rat il-bżonn tal-għarajjes ta’ Kana, qaltlu: ‘Ma baqgħalhomx imbid’ […] ‘X’għandna x’naqsmu, mara?’ (Ġw 2: 4). ‘Agħmlu dak li jgħidilkom hu.’”

X’ġara fil-gwerra?

Iċ-ċelebrazzjoni tas-Sibt kienet parti minn sensiela ta’ attivitajiet li jfakkru l-75 sena minn meta kienet ittieħdet deċiżjoni mill-Kapitlu ta’ Bormla biex l-istatwa tal-Kunċizzjoni u l-kwadru titulari jittieħdu fil-Bażilika ta’ Sant Elena f’Birkirkara. Dan minħabba li Bormla kienet fost il-lokalitajiet li sfaw attakkati mill-ajruplani tal-għadu waqt it-Tieni Gwerra Dinija u Birkirkara kienet meqjusa bħala belt aktar sigura.

L-istatwa baqgħet fil-Bażilika ta’ Birkirkara għal sentejn sħaħ sakemm il-gwerra battiet. Imbagħad l-istatwa ttieħdet lura fil-parroċċa ta’ Bormla b’pellegrinaġġ li għalih attendew eluf ta’ nies.

Il-Ħadd 3 ta’ Novembru ta’ din is-sena l-istatwa tal-Kunċizzjoni reġgħet ittieħdet proċessjonalment fil-Bażilika ta’ Sant Elena biex jitfakkar dak li kien ġara 75 sena ilu. Is-Sibt l-istatwa nħarġet proċessjonalment mill-Bażilika Elenjana. L-istatwa twasslet fil-Knisja tal-parroċċa ta’ Kristu Re f’Raħal Ġdid. Wara l-quddiesa ttieħdet proċessjonalment fil-parroċċa ta’ Bormla.

knisja.mt
knisja.mt
knisja.mt
knisja.mt
knisja.mt
Knisja.mt

Isem għażiż għall-poplu Lhudi

L-Arċisqof qal  li hija  ħaġa sabiħa li l-aħħar biċċa minn dan il-pellegrinaġġ qed jibda minn knisja ddedikata “lil Binha Sultan, Sultan qaddej bħalma hi wkoll għarrfet li kienet il-qaddejja tal-Mulej.”

Huwa staqsa xi jfisser li tkun tixtieq lill-Kunċizzjoni lura fil-parroċċa.  Fit-tweġiba tiegħu l-Arċisqof ħeġġeġ lill-kongregazzjoni:

“Intom u tilqgħu lura l-istatwa għażiża tal-Kunċizzjoni, itolbuh lil Alla jagħtikom il-grazzja tilqgħuha fil-qalb tagħkom kif naf li hi, għax xhud ta’ kemm tħobbuha. Min jiltaqa’ mal-Madonna jiltaqa’ ma’ Binha; min iħobbha tassew, iħobb lil Binha.”

Kien hawnhekk li l-Arċisqof stqarr li l-parir li tagħti Marija huwa li nagħmlu dak li jgħidilna Ġesù.

Fil-konklużjoni tal-omelija huwa talab biex il-pellegrinaġġ ikun sinjal mhux biss tal-imħabba lejn il-Madonna iżda wkoll tal-imħabba lejn Binha Ġesù u lejn il-proxxmu tagħna.

L-Arċisqof qal:

“Għax jekk nisimgħu l-leħen tiegħu kif qed tgħidilna l-Kunċizzjoni llum, x’nisimgħuh jgħid? “Kull ma għamiltu mal-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi”. “Kont bil-għatx u sqejtuni, kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont għeri u libbistuni, kont barrani u lqajtuni, kont il-ħabs u ġejtu żżuruni” (Mt 25: 35-36). “Meta, Mulej? Fejn?” “Kull ma għamiltu mal-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25: 40).”