L-istatwa tal-Madonna li tinsab f’nofs il-bajja fir-Ramla l-Ħamra f’Għawdex se tiġi restawrata.
Fi stqarrija, l-Awtorità tal-Ippjanar ħabbret li dan ir-restawr mistenni jibda hekk kif jinħareġ permess mill-Kummissjoni tal-Ippjanar.
L-istatwa oriġinali kienet inbniet fl-1881 minn ċertu John Gauci mix-Xagħra u hija magħmula primarjament mill-konkrit u msebbħa b’żebgħa taż-żejt. Il-pedestal huwa mibni mill-ġebla tal-franka u mdawwar b’saff tas-siment. Dawn il-materjali kienu ntgħażlu minħabba li l-istatwa tkun esposta għal kundizzjonijiet kifrin tat-temp.
L-istatwa se titneħħa minn postha biex ir-restawr isir f’post ieħor. Dan minħabba l-post fejn tinsab l-istatwa u anki l-kundizzjonijiet tat-temp. Bħalissa l-istatwa tal-Madonna għandha id nieqsa fost elementi oħra imkissra.
Aktar restawr mistenni jsir fuq il-kaxxa u l-irħam li hemm imwaħħal mal-istatwa u anki mistenni jinbidel id-dawl biex ikun jaqbel mal-pedestall monumentali.
Għal aktar dettalji aqra hawn.