Il-Madonna tal-Kappara timxi għal post ieħor

In-niċċa tal-Madonna li kienet biswit Triq Reġjonali se titpoġġa f’post ieħor fil-Gżira wara li kienet tneħħiet waqt ix-xogħlijiet tal-proġett tal-Kappara.
Transport Malta qalet li wara numru ta’ laqgħat bejn il-partijiet konċernati, ġie deċiż li n-niċċa titpoġġa fi Triq tas-Sliema l-Gżira.  
L-uffiċjali ta’ Transport Malta kienu wiegħdu lil John Lauri, il-kuratur tan-niċċa, li din se tkun inkluża fil-proġett u x-xufiera se jkollhom ukoll fejn jieqfu ħdejha b’mod sigur.
Il-Kelliem għal Transport Malta qal ma’ Newsbook.com.mt li l-kuratur tan-niċċa tal-Madonna tal-Kappara kien wera x-xewqa li n-niċċa ma terġax titpoġġa fil-post oriġinali.
Żied jgħid li x-xewqa tiegħu hi li tkun f’post fejn tista’ titgawda iktar mingħajr ma tkun qalb il-periklu tal-karozzi fi Triq Reġjonali.
Il-kelliem ikkonferma wkoll li l-pedestall għan-niċċa tlesta iżda jonqos xi permessi mill-Awtorità għall-Ippjanar biex id-dipartiment tax-xogħlijiet ikun jista’ jibni niċċa mill-ġdid.
Waqt il-proġett tal-Kappara, uħud kienu sorpriżi li ma rawx iktar l-istatwa tal-Madonna, li kien ilha fil-post għal ħafna snin, u li hu mifhum li ttieħdet f’post sigur sakemm jitlestew ix-xogħlijiet.