Il-Madonna Mirakoluża ta’ Badoc tintbgħat lura fil-Ġappun

BishopRenato Mayugba from Philippines with the original icon

Wara kważi 400 sena “Il-Madonna Mirakoluż ta’ Badoc” intbagħtet lura fil-post naturali tagħha, fil-belt Ġappuniża ta’ Nagasaki.

L-Aġenzija tal-aħbarijiet CBCP News irrappurtat li l-Isqof Renato Mayugba ta Laong, iltaqa’ mal-Arċisqof  Joseph Mitsuaki Takami tad-djoċesi ta’ Nagasaki, kmieni l-ġimgħa li għaddiet u tah rigal: replika żgħira tal-Madonna Mirakoluża.

Din ix-xbieha issa se titpoġġa fil-Katidral ta’ Nagasaki jew f’mużew dedikat lill-insara Ġappuniżi ta’ Nagasaki li għal ħafna żmien kien jinġabru bil-moħbi biex jitolbu.

“Jien ġejt hawn biex inħeġġeġ id-devozzjoni lejn il-Madonna Mirakoluża f’Nagasaki u nsellem lid-dixxendenti ta’ dawk li nsara li kellhom jipprattikaw il-fidi tagħhom fil-moħbi”, qal l-Isqof Renato Mayugba, waqt li kien qed iżur il-Ġappun.

L-Ikona nstabet fil-baħar fl-1620

L-ikona tal-Madonna kienet instabet f’kaxxa fil-baħar qrib ix-xatt bejn il-bliet ta’ Ilocos u Badoc fl-1620, flimkien ma’ Kurċifiss.

Il-Patri Agostinjan Pedro Vivar, kien iddokumenta din is-sejba fl-1764 u d-dokument jinsab fl-arkivji tal-Ordni f’Valladolid, fi Spanja.  Vivar kiteb li l-ikoni waslu mingħand l-insara Ġappuniżi li waddbuhom fil-baħar biex ma jkunux distrutti u disprezzati u fl-istess ħin huma jevitaw il-persekuzzjoni.

L-ikona tal-Madonna Mirakoluża kienet qed tinżamm fi knisja f’Badoc fejn baqgħet titqies bħala d-dar tal-Madonna għal madwar 400 sena.  Eluf ta’ nsara u devoti mill-Filippini kollha kienu jmorru f’Badoc jitolbu l-interċessjoni tagħha.

Iż-żjara tal-Isqof Mayugba f’Nagasaki saret fil-bidu ta’ ġemellaġġ bejn id-djoċesi ta’ Laoag u l-Arċidjoċsi ta’ Nagasaki, bil-Madonna Mirakoluża ta’ Badoc isservi bħala rabta bejn iż-żewġ djoċesijiet.

Inkurunata f’Mejju li għadda

Il-kardinal Luis Antonio Tagle ta’ Manila, fil-31 ta’ Mejju li għadda, wara l-approvazzjoni tas-Santa Sede kien inkuruna din ix-xbieha tal-Madonna filwaqt li fil-5 ta’ Frar li għadda il-knisja ta’ Badoc kienet dikjarata Bażilika Minuri, bl-approvazzjoni tal-Vatikan.

F’din l-okkażżjoni, il-Kardinal Thomas Aquinas Manyo Maeda ta’ Osaka qal li hemm ħafna rabtiet bejn il-kattoliċeżmu fil-Filippini u l-Ġappun u fost dawn semma lill-Madonna ta’ Badoc.

Issa kien deċiż ukoll li replika tal-ikona tal-Madonna Mirakoluża ta’ Badoc, fil-25 ta’ Mejju li ġej, tintbagħat f’Christukirche f’Heilbronn fil-Ġermanja u kopja oħra f’Los Angeles, Californi fis-sajf li ġej.

It-tielet kopja tal-ikona se titpoġġa fil-Bażilika ta’ Santa Pudenziana, il-knisja nazzjonali tal-Filippini f’Ruma li hi l-knisja titulari tal-Kardinal Maeda, aktar tard din is-sena.