Il-Madonna kienet taf xi tfisser li titlaq mill-pajjiż minħabba l-periklu – l-Arċisqof

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li l-Madonna kienet taf xi tfisser li titlaq mill-pajjiż minħabba l-periklu. Huwa qal dan meta fl-Omelija, l-Arċisqof fakkar fl-invokazzjonijiet li l-Papa Franġisku approva għal-litanija tal-Madonna. Dawn huma “Omm tal-Ħniena” u “Omm it-Tama” u kif ukoll “Faraġ tal-Migranti”.

Fil-festa tal-Madonna tal-Karmnu, l-Arċisqof Scicluna ċċlelebra l-Quddiesa fil-Knisja tal-Karmnu fil-Belt fejn sar ukoll pellegrinaġġ. Huwa fakkar kif il-Mulej lil Ġużeppi qallu biex jaqbad lill-omm u lil binha u jmur l-Eġittu għax hemm min irid joqtolhom.

L-Arċisqof spjega li meta l-Mulej ta lil ommu bħala ommna, ried jgħidilna li tant iħobbna li jixtieqna nduqu minn dik l-imħabba. Stqarr li jekk nilqgħu lil Marija bħala ommna ma nkunux nonqsu lil ommna għaliex qal li Marija tkun l-omm spiritwali.

Skont it-tradizzjoni, l-Għolja tal-Karmelu, hija l-ġnien tal-Mulej, għaliex il-kelma ‘karmel’ tfisser “il-ġnien tal-Mulej”. Kemm hu sabiħ dan it-tiflu li bih qed inqimu lil Omm Alla u wkoll ommna. It-tradizzjoni tgħidilna wkoll li l-Familja Mqaddsa waqfet tistrieħ f’dan il-ġnien tal-Mulej fuq l-għoljiet u l-muntanji tal-Karmelu hi u tirritorna lejn Nazaret mill-Eġittu.

Din is-sena, u f’dan iż-żmien ta’ pandemija, nitolbu lil ommna spiritwali biex iżżommna qawwijin u sħaħ. Illum fil-pellegrinagg, kif xtaqu wkoll il-patrijiet, nitolbuha tbierek lil pajjiżna bid-don tas-saħħa u tal-għożża. Din is-sena nitolbu b’mod speċjali mhux biss għall-morda tagħna imma wkoll għal min jieħu ħsiebhom u għal kull wieħed u waħda minna biex ikollna l-ħarsien tal-Verġni Mbierka.