Il-Luterani jikkundannaw lil Luteru

Waqt laqgħa tal-Kunsill Internazzjonali tal-Insara u l-Lhud li saret f’Bonn il-Ġermanja, Il-Kardinal Reinhard Marx ta’ Munich, faħħar il-Knisja Evanġelika fil-Ġermanja li tiġbor fiha 20 korp ta’ Luterani u Portestanti, talli sabet il-kuraġġ tikkundanna l-anti semitiżmu ta’ Martinu Luteru.
Mons Marx qal li dan jinkoraġixxi l-Knisja Kattolika biex tkompli bid-djaolugu bil-paċenzja u l-perseveranza,  lejn l-għaqda tal-knejjes.
Fil-ktieb li kien ippubblika fl-1543 “Dwar il-Lhud u l-Gideb Tagħhom”, Luteru kien appella lis-segwaċi tiegħu biex jaħarqu “is-sinagogi u l-iskejjel u dak li ma jinħaraqx jgħattuh bil-ħmieġ biex ħadd qatt ma jerġa’ jara ebda ġebla tagħhom. Nagħtikom parir li anke djarhom għandhom jinħarqu jew jitfarrku biex fit-triq meta taraw xi  Lhud ma tosservawx ir-regoli tal-prudenza”. Daqstant kien aħrax Luteru fil-konfront tal-Lhud.
Għalhekk fil-laqgħa tal-Kunsill Nazzjonali tal-Insara u l-Lhud iddiskutiet is-suġġett: “Martinu Luteru u 500 sena ta’ Tradizzjoni u Riformi fil-Ġudaiżmu u l-Kristjaneżmu”, il-Kardinal Marx qal li “għandna dejn kbir u rridu nkunu grati ħafna lill-pijunieri tar-rikonċiljazzjoni għall-kuraġġ li kellhom biex jibdew djalogu li ħadd ma’ seta jipprevedi kif se jiżviluppa u li issa qed naraw miexi b’mod pożittiv.
Il-Kardinal żied jgħid li l-paċenzja li biha sofrew il-ħafna kritika li saritilhom u l-kuraġġ li urew, taw il-frott. Illum nafu li d-djalogu mal-Ġudaiżmu ta’ rikkezza lit-teoloġija.
Il-Knisja Evanġelika fil-Ġermanja, dan l-aħħar ikkundannat u ddistanzjat lilha nfisha mill-anti semitiżmu ta’ Luteru. Dan jinkoraġġina li nkomplu fit-triq tad-djalogu bil-paenzja u l-perseveranza, tem jgħid il-Kardinal Reinhard Marx.