Il-lukandi fl-Ewropa jistgħu tiffrankaw €1.4 biljun b’miżuri li jaqtgħu il-ħela

Il-Kummissarju Ewropew Karmenu Vella ġie ppreżentat b’rapport tal-Malta Business Bureau dwar kif l-industrija tal-lukandi fl-Unjoni Ewropea tista’ tiffranka mal-€1.4 biljun fis-sena.
Dan b’miżuri biex jonqos il-ħela tal-ilma u użu iżjed effiċjenti tal-enerġija.
Ir-rapport tfassal matul l-ewwel xhur ta’ din is-sena fost 247 lukanda f’sitt pajjiżi Ewropej mill-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, l-Irlanda, Malta, is-Slovenja u l-Ungerija.
Ġie spjegat li jekk il-lukandi jiffrankaw dawn il-flus jżidu l-profitti u l-kompetittività fuq livell globali.
Jekk jittieħdu dawn il-miżuri, meta mqabbel man-numru tal-iljieli li t-turisti jqattgħu f’postijiet ta’ akkomodazzjoni kollettiva madwar l-Ewropa, jiġi ffrankat l-użu ta’ 365 elf miljun litru ta’ ilma fis-sena u 1.8 miljun tunnellata ta’ emissjonijiet fl-ajru.