Il-lukanda ta’ Għawdex hija adegwata għall-anzjani trasferiti fiha – Awtorità

Read in English.

L-Awtorità għall-Istandards ta’ Ħarsien Soċjali qalet li wara li għamlet investigazzjonijiet dwar allegazzjonijiet fil-konfront tal-lukanda f’Għawdex li qed tospita l-anzjani fil-perjodu tal-coronavirus, sabet li l-binja hija konformi mar-rekwiżiti għal liċenzja ta’ emerġenza.

Fis-17 ta’ April, Steward Health Care ħabbret illi kien sar it-trasferiment ta’ 72 anzjan mir-Residenza Sant’Anna fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex għad-Downtown Hotel fir-Rabat stess, flimkien mal-impjegati tar-residenza.

Fi stqarrija dalgħodu mill-Ministeru għall-Familja u s-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjanità Attiva ġie spjegat li kien hemm familji li kienu xxukkjat bil-kundizzjonijiet fil-lukanda ta’ Għawdex. L-ilmenti ewlenin kienu jinkludu li l-kmamar huma wisq żgħar għal żewġ pazjenti, il-kurituri u l-lift huma żgħar wisq, l-istruttura tal-kamra mhix adegwata, l-istretchers bir-roti ma jgħaddux mil-bibien, inċertezza dwar jekk is-siġġu tar-roti jistax jimmanuvra fil-lifts u l-kmamar, u li l-lifter ma joqgħodx fil-kmamar.

L-Awtorità spjegat li Steward Health Care ngħatat liċenzja ta’ emerġenza mill-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali skont l-Avviż Legali 74 tal-2020 minħabba ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li ġabet magħha l-pandemija tal-coronavirus. Steward Health Care talbet din il-liċenzja ta’ emerġenza sabiex tkun tista’ topera f’post ibbażat fil-komunità bil-għan li tkun tista’ titrasferixxi l-pazjenti mis-Sala ta’ Sant’Anna fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għal Downtown Hotel.

Intant fl-istqarrija ġie spjegat li l-eżitu li ħareġ mill-investigazzjoni tal-Awtorità huwa li l-kmamar jistgħu jakkomodaw żewġ persuni, is-siġġu tar-roti jista’ jimmanuvra fil-kurituri u l-kmamar, il-mezzi ta’ rfigħ tar-residenti qed jintużaw fil-kmamar meta dan ikun meħtieġ, il-mediċina qed tkun maħżuna b’mod sigur, u l-professjonisti tas-saħħa qed jipprovdu l-istess livell ta’ kura li kienu jipprovdu fis-Sala ta’ Sant’Anna. L-Awtorità qalet li żgurat wkoll li l-pjanijiet ta’ kontinġenza u l-proċeduri meħtieġa huma kollha fis-seħħ. L-Awtorità b’hekk ikkonfermat li l-binja hija adegwata u f’konformità mar-rekwiżiti għal liċenjza ta’ emerġenza.

L-Awtorità ħarġet ukoll numru ta’ rakkomandazzjonijiet lill-provditur tas-servizz. Dawn jinkludu:

  • li tiżdied il-komunikazzjoni permezz ta’ video calls bejn l-anzjani u l-qraba tagħhom, bil-għan li din il-miżura tkun tista’ sservi wkoll sabiex jiġi assigurat li l-anzjani qed jirċievu l-kura meħtieġa;
  • li jiġi żgurat li s-servizz jinkludi programm strutturat ta’ attivitajiet varji abbażi tal-ħtiġijiet identifikati tal-individwu; u
  • li jiġi żgurat li kull resident jingħata spazju adegwat sabiex ikun jista’ jerfa’ l-affarijiet personali tiegħu.

L-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali qalet ukoll li se tkun qed tagħmel żjarat ta’ spezzjoni oħrajn fil-ġranet li ġejjin, sabiex tara illi dawn in-nuqqasijiet qed jiġu indirizzati. Fil-każ illi dak li ġie rakkomandat minnha ma jidħolx fis-seħħ, l-Awtorità se tkun qed tieħu l-passi neċċessarji fl-aħjar interess tal-anzjani.

Il-lukanda f’Għawdex li fiha kienet taħdem pazjenta bil-coronavirus hija l-istess waħda li ġew trasferiti fiha l-anzjani mir-Residenza Sant’Anna li tinsab fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Is-Superintendent għas-Saħħa Pubblika, Prof. Gauci kienet qalet ma’ Newsbook.com.mt li minkejja li l-mara, Għawdxija ta’ 38 sena, kienet taħdem bħala skrivana f’uffiċċju, diġà sar id-diżinfettar mal-lukanda kollha, li tinsab fi Triq l-Ewropa fir-Rabat Għawdex.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn