Il-lukanda fis-Saqqajja ma ssirx sakemm inkun Sindku jien – Charles Azzopardi

Is-Sindku tar-Rabat, Charles Azzopardi qal li sakemm idum Sindku hu, l-iżvilupp li kien maħsub isir biex id-djar idilliċi li hemm fis-Saqqajja jsiru lukanda b’erba’ sulari, mhux se jsir.

Wara li ħarġet il-proposta għal dan il-proġett, minn tal-inqas żewġ petizzjonijiet bdew iduru kemm mill-Kunsill Lokali tar-Rabat kif ukoll mill-Moviment Graffiti. Kien hemm ukoll laqgħa ta’ informazzjoni rigward l-applikazzjoni. Din saret nhar il-Ħadd li għadda fejn membri mill-pubbliku u l-Kunsill Lokali semmgħu leħinhom dwar l-objezzjonijiet li għandhom kontra dan l-iżvilupp.

Il-lukanda proposta tinkludi pool, bar, ristorant u minn tal-inqas 47 kamra mifruxa ma’ erba’ sulari. Skont Moviment Graffiti, dan l-iżvilupp qed jikser il-Politika dwar id-Disinn tal-Kontroll tal-Iżvilupp u l-Istandards tal-2015, kif ukoll il-Pjan Lokali taż-żona u ksur tal-Pjan Strateġiku għall-Ambjent u l-Iżvilupp.

Fil-kummenti lil Newsbook.com.mt, is-Sindku, qal li ma jistax jemmen l-ironija politika li hemm. Huwa ddeskriva kif erba’ snin ilu, il-Kunsill Lokali kien fil-fatt ġie mmultat għax żabar is-siġar fis-Saqqajja.

3.XI.2018 Il-Kunsill lokali tar-Rabat għadu kif għamel l-oġġezzjoni uffiċjali tiegħu mal-Awtorita' tal-ippjanar, biex ma…

Posted by Charles Azzopardi on Monday, December 3, 2018