Il-lukanda f’Għawdex b’każ ta’ coronavirus l-istess fejn se jiġu trasferiti l-anzjani

Il-lukanda f’Għawdex li fiha kienet taħdem pazjenta bil-coronavirus hija l-istess waħda li fiha se jiġu trasferiti l-anzjani mir-Residenza Sant’Anna li tinsab fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Dan ġie kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt mis-Supretendent għas-Saħħa Pubblika, Prof. Charmaine Gauci waqt konferenza tal-aħbarijiet illum waranofsinhar.

Prof. Gauci żiedet tgħid li minkejja li l-mara, Għawdxija ta’ 38 sena, kienet taħdem bħala skrivana f’uffiċċju, diġà sar id-diżinfettar mal-lukanda kollha, li tinsab fi Triq l-Ewropa fir-Rabat Għawdex.

Konferenza tal-aħbarijiet
LIVE: 13-il każ pożittiv

L-anzjani jibdew jiġu trasferiti

Dwar jekk dan il-każ hux se jaffettwa ż-żmien meta jsir it-trasferiment tal-lukanda, Prof. Gauci qalet li t-trasferiment beda proprju mil-lum u se jkompli matul il-ġurnata.

Kien Newsbook.com.mt li kkonferma l-pjanijiet ta’ Steward Health Care li jċaqalqu l-anzjani mir-Residenza Sant’Anna lejn il-lukanda Downtown. Steward kienet qalet ukoll li t-trasferiment se jsir bejn il-15 u s-17 ta’ April.

Intant, fuq Facebook, l-eks Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li kienet f’kuntatt mal-maniġment tal-lukanda fejn intlaħaq qbil li l-ispazji pubbliċi mad-dawra tal-lukanda jitnaddfu ġurnata iva u ġurnata le. Id-deputat Laburista hija residenti fl-istess triq.

Kif inhi s-sitwazzjoni tal-coronavirus f’Għawdex?

S’issa f’Għawdex hemm 20 każ pożittiv. Fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex kien hemm erba’ ħaddiema li rriżultaw pożittivi għall-coronavirus – 2 infermiera u 2 carers. Dawn kienu kollha bla sintomi tal-Covid-19.

Il-każijiet kif inhuma mqassmin f’Għawdex

Ħaddiema mill-istess sptar li jinsabu fi kwarantina jammontaw għal 39 – 10 li ġew f’kuntatt ma’ każijiet tal-Covid-19, filwaqt li 29 huma fi kwarantina għax huma vulnerabbli jew għandhom nies vulnerabbli d-dar.

B’kollox fl-isptar ta’ Għawdex saru 110 swab tests fuq ħaddiema u 392 oħra fuq pazjenti li daħlu l-Emerġenza jew għal xi intervent ieħor fl-Isptar.

Fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex se jkun hemm 120 sodda disponibbli għall-pazjenti tal-coronavirus. Skont Steward Healthcare li tmexxi dan l-isptar, s’issa ġew ippreparati 31 sodda fl-Infectious Diseases Unit u 12 oħra għall-Covid-ITU. Ma’ dawn iridu jiżdiedu madwar 80 sodda oħra fir-Residenza Sant’Anna.

L-ewwel każ ta’ mewt f’Għawdex minħabba l-coronavirus kienet anzjana li kellha kumplikazzjonijiet ta’ mard kroniku ieħor.

Rappurtaġġ addizzjonali: Charmaine Attard

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn