Il-Lovin Malta mhux għall-elezzjoni…iżda għandhom proposta oħra għalik

Il-Lovin Malta nedew sistema ta’ fondi sabiex min irid jgħinhom ikomplu jmexxu l-ideat u l-proġetti tagħhom.
Waqt li qalu li rtiraw formalment l-applikazzjoni tagħhom bħala partit politiku, ħassew li r-rispons tal-poplu Malti għal dik li kienet biss ċajta tal-ewwel t’April m’għandhomx iħalluh jintilef.
Il-Lovin Malta qed isejħulha “Kampanja ta’ Bidla”, u qed jimmiraw li jilħqu l-€2,000.
B’dawn il-flus, qal kelliem mill-grupp, ikunu jistgħu jwettqu l-proġetti tagħhom, liema proġetti dehru anki fil-manifest li ppubblikaw bħala parti miċ-ċajta tal-ewwel t’April.
Fost proposti oħra fil-manifest, kien hemm il-legalizzazzjoni tal-ħaxixa, proġetti sabiex inħawi f’Malta jitħaddru, iż-żieda ta’ nħawi ODZ bis-saħħa ta’ kampanji ta’ tħaddir, u kampanji nazzjonali ta’ tindif urban u rurali.
Il-kelliem mil-Lovin Malta qal li l-poplu jistħoqqlu jgħin finazjarjament lil dawk il-gruppi li jservuh tajjeb u li huma kommessi li jġibu l-bidla.
Jekk trid tgħin lil Lovin Malta billi tagħtihom id-donazzjoni tiegħek, żur dan is-sit.