Il-Love Boat se terġa’ ssalpa

Ritratt: Princess Cruise Line

Bosta għadhom jiftakru l-kliem ‘The Love Boat soon will be making another run/The Love Boat promises something for everyone.’

Għal min ma laħaqhiex, The Love Boat kienet sensiela popolari fuq it-TV li kienet tixxandar mill-1977 sal-1986.  Fl-istejjer li kienu jintwerew fiha wieħed seta’ jara kif vjaġġ fuq il-baħar jinbidel fi ġrajja romantika għal min ikollu x-xorti jkun fuq dak l-vapur.

Issa jidher li l-Love Boat se jerġa’ jagħmel tassew vjaġġ ieħor. Issa qed jingħata ċans lil bosta koppji biex jingħaqdu mal-Kaptan Stubing u Vicki biex joħolqu l-istorja tal-imħabba tagħhom stess.

Il-linja tal-vapuri tal-passiġġieri Princess Cruise qed tfittex koppji biex jorganizzaw l-akbar ċerimonja tat-tiġdid tal-wegħda taż-żwieġ fid-dinja. Kull min irid ikun parti minn dan ir-rekond għandu jkun fuq il-vapur Regal Princess li se jbaħħar bejn id-9 u s-16 ta’ Frar tas-sena d-dieħla fuq dak li qed jissejjaħ il-Vjaġġ fuq il-Baħar għal Jum San Valentinu.

Dawk li jkunu fuq il-vapur se jittieħdu minn Fort Lauderdale fl-Istati Uniti għax-xatt privat tal-kumpanija tal-linja tal-vapuri, il-Princess Cay. Il-Kaptan Captain Stubing, interpretat minn Gavin MacLeod se jagħmel iċ-ċerimonja uffiċjali waqt li tgħinu jkun hemm Jill Whelen, li fis-sensiela fuq it-TV kienet ħadmet il-parti ta’ Vicki, bintu.

Il-linja tal-vapuri tal-passiġġieri Princess Cruise qed tilqa’ kull koppja, ta’ kull età, bil-messaġġ tagħhom ikun: “Itilgħu abbord. Qed nistennewkom!”