Il-lottu sospiż minħabba l-coronavirus

Read in English.

Maltco Lotteries ħabbret li l-lottu ġie sospiż minħabba l-coronavirus.

Permezz ta’ avviż legali ppubblikat ilbieraħ, l-istabbilimenti tal-logħob ingħalqu mil-lum sakemm jitħabbar mod ieħor.

Għaldaqstant, Maltco Lotteries avżat li n-numri tas-Super 5 li kellhom jittellgħu llejla, ta’ logħba 819, u SUPERSTAR ta’ logħba 77 li kellhom jittellgħu l-Ġimgħa, kif ukoll il-lottu u l-Quaterno+ tas-Sibt (logħba 820) se jiġu sospiżi u posposti għal data fil-futur. Madankollu, il-biljetti mixtrijin għal dawn il-logħob se jibqgħu validi.

Il-Maltco ħabbret li rigward il-U*BET, l-imħatri li tqiegħdu se jibqgħu validi. Il-ħlas tar-rebbieħa se jkun possibbli ladarba l-U*BET terġa’ tibda tiffunzjona. Jekk xi attività titħassar jew tiġi posposta, ir-regoli tar-rifużjoni eżistenti jibqgħu jgħoddu.

F’każ ta’ logħob ieħor, bħall-Quick Keno, Bingo75 u Scratchers, dawn se jiġu sospiżi għalissa.

Il-kumpanija qalet li l-ħlas tal-biljetti wkoll huwa sospiż għalissa. Skont l-istruzzjonijiet tal-Awtorità Maltija għall-Gaming (MGA) il-perjodu ta’ meta r-rebbieħa jistgħu jieħdu l-pagament se jiġi estiż minn 60 għal 90 jum. Dan il-perjodu jaf jiġi estiż, skont iċ-ċirkustanzi.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn